Il-binja tal-Ministeru tal-Enerġija u l-Ilma sarilha proġett ta’ restawr estensiv kemm bħala binja fuq ġewwa kif ukoll minn barra.
L-Erbgħa filgħaxija ġie nawgurat il-proġett billi b’mod simboliku inxtegħlet il-faċċata kulur roża fl-okkażjoni tax-xahar għall-għarfien dwar il-kanċer tas-sider.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma Michael Farrugia irrikonoxxa l-ħidma tal-ħaddiema tal-produzzjoni tal-ilma u tal-enerġija u ddedika dan il-proġett lilhom.
Il-Ministru Farrugia sostna, “Imma dan mhux biss, il-ħidma kontinwa illi jagħmlu l-ħaddiema, kemm tal-Ministeru kif ukoll tal-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Illi komplew anke tul il-perjodu tal-pandemija s-servizzi kollha tal-enerġija, tal-ilma is-servizzi kollha li għandhom x’jaqsmu mad-drenaġġ, ħalli s-servizzi kollha ġewwa pajjiżna jkomplu jiffunzjonaw.”
Għal din l-okkażjoni l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Energija u l-Immaniġġjar tal-Ilma għamlu ġabra ta’ ‘l fuq minn 11-il elf ewro biex dawn il-fondi jmorru għal aktar riċerka ġewwa l-Università ta’ Malta dwar il-kanċer tas-sider.
Din id-donazzjoni ġiet ippreżentata lil mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela.
Min-naħa tagħha, Lydia Abela semmiet kif madwar tliet mija u ħamsin persuna jinstabilhom kanċer fis-sider, bi tlieta minnom ikunu rġiel.
Irrimarkat ukoll kif l-istedina tal-gvern li qed tagħti l-opportunità lil diversi persuni sabiex jagħmlu t-test ġiet milqugħa minn 88% tan-nies.
Dr Abela stqarret, “Matul dan ix-xahar t’Ottubru kelli l-opportunità li niltaqa’ ma nies li rebħu din il-battalja u qasmu miegħi l-esperjenza tagħhom. Allura jiena ma nistax ma nwassalx l-appell tiegħi biex in-nisa u anke l-irġiel jagħmlu t-testijiet neċessarji biex mhux iwasslu l-messaġġ lil qrabathom ukoll biex aktar ma taqbad il-kanċer malajr aktar hemm possibilità ta’ fejqan.”