Dan huwa Heyden Pesci, żagħżugħ ta’ għoxrin sena li għal dan l-Għid il-Kbir ġabar għal madwar mitejn bajda tal-Għid għal Puttinu Cares.
Iltqajna ma’ Heyden f’jum Ħadd il-Għid, fejn spjegalna kif bejn nhar it-Tnejn u l-Erbgħa li għadda, wara kiteb fuq il-midja soċjali dar madwar Malta kollha permezz tal-linja.
Magħna spjega kif darba minnhom ried imur jiġbor il-bajd tal-Għid mill-Mellieħa u l-Isla. Qal kif minkejja li għamel dan is-sagrifiċċju, huwa xorta ħass sodisfazzjon li jgħin lil ħaddieħor li għandu bżonn.
Qal, “F’temp ta’ tlett ijiem dort Malta. b’tal-linja, jiġifieri nammetti wkoll kellu l-ġuħ ukoll imma meta imbagħad morna u tajna dawn il-bajd, tinduna li t-tbatija tiegħi u tiegħek hija minuri ħdejn dak li jħossu dawk it-tfal morda.”
Heyden qal magħna kif waqt li kien qed jiġbor dan il-bajd tal-Għid, huwa ltaqa’ ma’ diversi persuni minn kull tessut tas-soċjetà, fejn miegħu stqarrew li għamlu dan il-ġest għax kellhom xi qraba li rċievew l-għajnuna m’għand Puttinu Cares u anke forsi li żbaljaw fil-passat u riedu jpattu bl-għajnuna.
Spjega, “Jien għandi din il-frażi, ġid lil kulħadd deni lil ħadd, jiġifieri meta tagħti hekk xi ħaġa lil xi ħadd, tkun ta’ sostenn lil xi ħadd tkun l-isbaħ sensazzjoni.”
Ma’ dan l-istazzjon, Heyden għalaq l-intervista b’appell.
Qal, “Tibżgħux mill-perċezzjoni tan-nies għax jgħidulek għax qed tgħin biex tidher jew hekk. Għinu l-għaliex dak in-naqra, bil-qatra l-qatra timtela’ l-ġarra, jgħidu, jiġifieri b’dik in-naqra tkun qed tagħmel differenza lis-soċjetà żgur.”