Tħabbru d-dettalji tal-Premju Nazzjonali Voluntier tas-sena 2024, hekk kif fetħu n-nomini bil-għan li jingħata rikonoxximent xieraq lil persuni u għaqdiet fis-settur li jikkontribwixxi favur soċjetà aħjar.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS), Mauro Pace Parascandolo, ħabbru l-lista ta’ unuri li se jkunu qed jitqassmu.
Il-premju prinċipali hu dak tal-Voluntier tas-Sena, li jingħata lil individwu li jkun ikkontribwixxa b’mod pożittiv fil-qasam jew inkella jkun ta’ ispirazzjoni għal oħrajn bix-xogħol volontaju tiegħu.
Premjijiet oħrajn jinkludu dawk tal-Aqwa Organizzazzjoni Volontarja, l-Aqwa Kumpanija Privata li tiddistingwi lilha nnifisha fl-appoġġ li tagħti fis-soċjetà u l-Aqwa Voluntier Żagħżugħ/a għal dawk ta’ bejn is-16 u t-30 sena.
Flimkien ma’ dawn se jingħata wkoll il-Victor Calvagna Children Volunteer Award għat-tielet sena konsekuttiva lil dawk ta’ bejn l-10 u l-15-il sena.
Għall-ewwel darba se jingħata Premju għall-Proġett tas-Sena għal servizzi u inizjattivi eċċellenti fis-settur tal-volontarjat.
Il-Ministru Farrugia Portelli tkellmet dwar l-importanza ta’ dawn il-premjijiet li mhux biss jirrikonoxxu l-ħidma li ssir, iżda jippromwovu prattiċi tajbin fix-xogħol volontarju.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCVS appella lill-għaqdiet u l-voluntieri biex jinnominaw lil min jaħsbu li qed jagħmel ġid lis-settur.
In-nomini jistgħu jiddaħħlu sa nofsinhar tal-Ġimgħa 18 ta’ Ottubru fuq is-sit vofunding.org.mt, waqt li ċ-ċerimonja tal-għoti tal-unuri se ssir fil-5 ta’ Diċembru li ġej.