Il-Gozo Tourism Association ħabbret li fetħu n-nominazzjonijiet għall-ħmistax-il edizzjoni tal-Gozo Tourism Awards 2024.
Dawn l-awards se jkunu qed jippremjaw lill-ħaddiem u ħaddiem żagħżugħ li jkunu ddistingwixxew ruħhom fil-qasam tat-turiżmu Għawdxi.
Barra minn hekk se terġa’ tingħata l-Investment and Entrepreneurship in Tourism Award lil dak l-intraprenditur Għawdxi li jkun ħalla impatt sinifikanti fuq is-settur tat-turiżmu f’Għawdex.
Se jitqassmu wkoll il-Gozo Business Niche Tourism Achievement Award għall-individwu jew negozju li jkun wera innovazzjoni b’inizjattivi li jippromwovu niċeċ tat-turiżmu Għawdxi u l-Gozo Cultural Niche Tourism Achievement Award li tippremja organizzatur ta’ avveniment jew festival li sar f’Għawdex u attira numru ta’ viżitaturi lejn il-gżira.
Il-formoli tan-nominazzjonijiet jistgħu jinġabru mill-uffiċċju tal-assoċjazzjoni tat-turiżmu Għawdxija r-Rabat Għawdex u jagħlqu t-Tnejn 6 ta’ Jannar bis-serata ta’ premjazzjoni ssir fit-22 ta’ Jannar 2025.