Bħal b’daqqa ta’ skalpell fuq feles bejn il-fazzjonijiet, id-donazzjoni li Adrian Delia ppreżenta lid-Dar tal-Providenza reġgħet fetħet beraħ il-qasma fil-Partit Nazzjonalista.
Id-donazzjoni ta’ nofs miljun ewro li l-eks kap Nazzjonalista ppreżenta f’isem ‘Catco Group Capital Investment’ qajmet l-irwiefen kollha b’esponenti miż-żewġ naħat jiktbu fuq il-midja soċjali u jattakkaw apertament lil xulxin. Madankollu, ir-rivelazzjoni li ċ-Chairman tal-kumpanija ħaseb li Delia kien imexxi d-Dar tal-Providenza kompliet ħejjiet it-triq għal iktar attakki fuq Delia.
It-‘Times’ irrapportat kif iċ-Chairman tal-kumpanija, Dr. Fisal Abdullah Alokla spjega li huwa kien ħaseb li Adrian Delia kien imexxi d-Dar tal-Providenza u ma kienx mgħarraf bl-involviment ta’ Delia fil-politika.
Fil-fatt, kien irrapportat kif l-ittra indirizzata lid-Dar tal-Providenza tikkonferma d-donazzjoni, kienet indirizzata direttament lil Adrian Delia u mhux lil Fr. Martin Micallef li jmexxi din id-dar.
Min-naħa tiegħu, Adrian Delia ġie rappurtat jgħid mal-Independent li qabbad kumpanija tal-awditjar biex twettaq proċess ta’ due diligence fuq iċ-Chairman tal-kumpanija Catco Group Capital Investment.
Wara li ġiet ippubblikata l-aħbar tat-Times, kien imiss lill-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt u esponent ewlieni tal-establishment Nazzjonalista, Manuel Delia sabiex f’artiklu minn tiegħu ikompli jattakka lil Adrian Delia. Huwa nnota kif f’56 sena mit-twelid tad-Dar tal-Providenza kellu jkun Delia li jdaħħalha f’nofs kontroversja.
Fl-artiklu tiegħu huwa rrefera għal Delia bħala politikant tossiku, li jgħaġġel u li b’mod mhux ġustifikat huwa assigurat minnu nnifsu. Huwa kompla jiddeskrivih bħala bniedem iddisprat li jibqa’ mqabbad ma’ eżistenza li jħossu intitolat għaliha.
B’din id-deskrizzjoni kkulurita ta’ Adrian Delia fl-isfond, Manuel Delia staqsa dwar x’seta’ qal Adrian Delia lill-kumpanija sabiex taha l-impressjoni li huwa jmexxi d-Dar tal-Providenza.
Huwa temm l-artiklu tiegħu jfakkar dwar għaliex Adrian Delia tneħħa mit-tmexxija tal-Partit filwaqt li qal li bniedem bħal Delia ma jinbidel qatt iżda minflok jinfirex bħal kankru.