“Life is my Adventure.” Din hi t-tema ta’ SkolaSajf għal din is-sena. Dan tħabbar waqt żjara li għamel il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, fiċ-Ċentru tar-Riżorsi San Miguel f’Pembroke.
Hawnhekk tħabbar kif l-applikazzjonijiet għal SkolaSajf ta’ din is-sena nfetħu. Dwar din it-tema wkoll ikkummenta l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattiv, Michael Bondin.
“Tema magħżula mit-tfal għat-tfal. Tema li ħa tkun qed teħodna fi programm ta’ tmin ġimgħat sħaħ ta’ attivitajiet għal dawn it-tfal.”
SkolaSajf se tkun qed tingħata minn ħamsa u ħamsin ċentru madwar Malta u Għawdex bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa. Dawn jinkludu ħames ċentri ta’ riżorsi u ħames ċentri f’Għawdex.
Is-servizz jibda mill-għaxra ta’ Lulju sad-disgħa ta’ Awwissu u mid-dsatax ta’ Awwissu sas-sitta ta’ Settembru.
“Sodisfatti ħafna bis-servizz li jiġi offrut f’dawn il-ġimgħat. Servizz li hu wieħed edukattiv u allura li għandek servizz edukattiv, li minnu, minkejja li hu s-sajf, xorta waħda jibbenefikaw it-tfal u żgur hu ta’ ġid għal dak li hu l-iżvilupp tat-tfal tagħna.”
L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħin sat-tnejn ta’ Mejju li ġej.