L-applikazzjonijiet għall-proġett ‘Parents as Partners’, għal darba oħra jinsabu miftuħa.
Dan il-proġett huwa ffukat fuq it-trobbija tat-tfal fi stadju bikri, jiġifieri taħt is-sena, u partikolarment fuq ir-relazzjoni bejn il-koppja kif ukoll bejn il-koppja u l-wild.
Koppji li jħossu bżonn ta’ sapport bħal dan minn professjonisti mħarrġa jistgħu jirrikorru għal dan il-programm, li hu mifrux fuq 16-il ġimgħa.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Il-Ministru Falzon spjega kif il-programm, li diġa ssarraf f’riżultati tajbin permezz ta’ proġett pilota, qed ikun ta’ sostenn għal diversi koppji, speċjalment f’istanzi fejn il-koppja tkun għaddejja minn perjodu ta’ diffikultajiet, anke minħabba l-istil ta’ ħajja differenti li jġib miegħu t-twelid ta’ tarbija.
“Jindirizzaw, effettivament, realtajiet li forsi huma ġodda jew oħrajn li kienu hemm imma ma konniex daqshekk konxji. Irridu nkunu hemm, ovvjament, mhux biex nindaħlu imma biex ngħinu. Ikunu mumenti fejn dawn in-nies ikunu vulnerabbli, sew il-partners li qed jisseparaw jew jiddivorzjaw, kif ukoll it-tfal, u naħseb huwa dover tagħna bħala Gvern li, fejn wieħed ikun vulnerabbli, ngħinu aktar mhux naħarbu.”
Għaldaqstant, din se tkun qed tippreveni t-tensjonijiet milli jeskalaw fil-familji, għax dan jista’ jkollu effetti devastanti fuq it-tfal.
Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni mal-Perinatal Mental Health Care u bis-sehem ta’ professjonisti bħall-qwiebel, psikjatri u psikologi.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Trobbija Pożittiva u Tisħiħ tal-Familja, Ruth Sciberras, tkellmet ukoll dwar il-kunċett ta’ ‘shared parenting’, u l-ħidma li qed issir, fejn professjonisti jaħdmu mill-qrib ma’ koppji bi kwistjonijiet dwar il-kura u l-kustodja tat-tfal u anke l-każijiet fejn wild jiġi mmanipulat biex jinqata’ minn wieħed mill-ġenituri. Spjegat li sabiex jiġi evitat kull skariġġ, dawn is-sessjonijiet saħansitra jsiru online.
“Huwa programm għall-koppji. Jistgħu ikunu koppji li addottaw, koppji tal-istess sess, però jiffoka ħafna fuq ir-relazzjoni ta’ bejn il-koppja u ta’ bejn il-ġenituri u t-tfal. Aħna nintervjenu b’mod bikri, biex ngħinu lil dawn il-koppji ħalli kemm jista’ jkun ngħinuhom, nissapportjawhom, fl-isfidi li ġġib meta jkollok tarbija ta’ età tenera.”
Minn mindu tnieda dan it-taħriġ, madwar 4 xhur ilu, saru 9 sessjonijiet li għalihom attendew 103 professjonisti.
Positive Parenting Malta se jkomplu jagħtu dan it-taħriġ sa l-aħħar tas-sena, u l-pubbliku jista’ jaċċessa l-paġna ta’ Facebook ta’ Positive Parenting Malta, fejn hemm l-informazzjoni kollha kif ukoll applikazzjonijiet ta’ diversi servizzi soċjali.