Fetħu l-applikazzjonijiet sabiex sabiex gradwati tal-inġinerija fl-MCAST issa wkoll jistgħu jiksbu l-warrant.
Dan wara deċiżjoni tal-Bord tal-Inġinerija li waqqfet inġustizzja mġarrba mill-istudenti li ilhom jiggradwaw mill-MCAST mill-2013 u li ma kinux eliġibbli biex japplikaw għall-warrant ta’ inġinierja..
F’kumment ma’ One News, l-Inġinier u d-Direttur tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Transport fil-kulleġġ, Stephen Sammut, stqarr li ħiliet tal-istudenti issa qed jiġu rikonoxxuti.
Qal kif, “L-Inġiniera jaħdmu f’diversi setturi, fil-manufattura, fis-servizzi, fil-kostruzzjoni u ħa jkunu qegħdin jaħdmu u jagħtu mbuttatura lill-pajjiż f’dan l-aspett. Huma diġà jaħdmu f’żoni ta’ responsabbilità f’dan il-pajjiż pero issa b’dan il-kors ħa jkunu qegħdin jieħdu d-dinjità tagħhom fil-professjoni tagħhom bħala inġiniera bil-warrant kif għandu jkun”.
Studenta li temmet b’suċċess il-kors tal-inġinerija fl-MCAST qalet li dan l-iżvilupp se jfisser li issa se tkun tista’ tippratika għal dak li studjat.
Qalet kif, “Kull min jidħol u kull min jagħżel li jidħol għalih l-università jew istituzzjonijiet differenti ikun għażlu bit-tir li f’ħajtu għamel dak li jixtieq u naħseb li hija l-isbaħ ħaġa li tkun tista’ tipprattika dak li tixtieq u li trid tagħmel f’ħajtek”
Il-Ministru Ian Borg qal li l-gvern fittex li jsib rimedju filwaqt li l-Ministru Justyne Caruana saħqet li kors preparatorju għall-kisba tal-warrant se jgħin biex studenti t’issa u dawk passata jkunu jistgħu jiġu ċċertifikati bħala inġiniera.