Il-Gvern ħabbar li fetaħ l-applikazzjonijiet tal-iskema ta’ rifużjoni għall-kumpaniji li jkunu ħolqu x-xogħol f’Għawdex.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri ħabbar it-tnedija ta’ miżura ta’ darba, li permezz tagħha fetħu l-applikazzjoniet biex dawk l-intrapriżi u l-kumpaniji li mill-2018 iġġeneraw impjiegi f’Għawdex, japplikaw sa mhux aktar tard minn tmiem din is-sena, għar-rifużjoni tas-salarju tal-impjegat.
Il-Ministru Camilleri spjega kif din l-iskema li daħlet fis-seħħ sentejn ilu serviet ta’ għajnuna għal dawk li gawdew minnha.
Il-Ministru għal Għawdex qal li din hi skema li titħaddem fuq bażi annwali u għalhekk kumpanija li ġġenerat impjieg fl-2019 u li m’applikatx għall-iskema, ma setgħetx tkun eliġibbli biex tapplika din is-sena għar-rifużjoni, anke jekk it-termini tal-iskema kienu kollha milqugħa skont il-linji gwida.
Madankollu l-Ministeru għal Għawdex qed jiftaħ l-eliġibbiltà permezz ta’ miżura ta’ darba sabiex dawn il-kumpaniji jkunu jistgħu japplikaw ukoll għar-rifużjoni tas-salarju fuq l-impjegat.
Aċċenna li l-istess impjegat irid ikun għadu ngaġġat mal-kumpanija mingħajr ebda perjodu ta’ terminu tal-impjieg.
Il-Ministru Camilleri saħaq li l-iskema ta’ rifużjoni għal ħolqien tax-xogħol f’Għawdex saret biex jinħolqu iżjed impjiegi full-time f’Għawdex u biex dawn l-impjiegi jkunu sostenibbli.
Fakkar kif intrapriżi u kumpaniji f’Għawdex li jiġġeneraw impjieg ġdid, fejn il-ħaddiem jingħata kuntratt minimu ta’ tliet snin, jibbenefikaw minn rifużjoni tas-salarju sa massimu ta’ €6,000 fuq perjodu ta’ tliet snin.
Il-Ministru Camilleri rrimarka li din l-iskema tixhed l-importanza li jagħti dan il-Gvern għal ħolqien tax-xogħol fil-gżira tat-tliet għoljiet u saħaq fuq l-importanza li l-intrapriżi Għawdxin iżidu fil-kompetittività tagħhom.
Huwa stqarr: “U għaldaqstant dawn huma aktar inċentivi sabiex il-kumpaniji kemm Maltin u kemm Għawdxin jimpjegaw xogħol, persuni anzi għal xogħol f’Għawdex għall-istess Għawdxin u hija propju din il-viżjoni ta’ dan il-Ministeru li kemm jista’ jkun inħaddmu l-Għawdxin f’Għawdex stess.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħeġġeġ lil dawk l-intrapriżi u kumpaniji Għawdxin li huma eliġibbli għall-iskema sabiex japplikaw biex ma jitilfux din l-opportunità.
Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jikkuntattja lid-Direttorat tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fil-Ministeru għal Għawdex fuq employerscheme.mgoz@gov.mt jew iċempel fuq 22100285.