Wara li nhar il-Ġimgħa nfetħu disgħa u sittin ċentru għall-ħarsien tat-tfal, illum infetħu 37 ċentru ieħor sabiex it-total ta’ ċentri miftuħa għall-pubbliku tela’ għal 106.
In-numru ta’ tfal li qed jattendu dawn iċ-ċentri żdied mal-ftuħ tas-37 ċentru ieħor hekk kif meta mqabbel mal-ġimgħa preċedenti kien hemm żieda fl-attendenza ta’ kważi 1,000 tifel u tifla. Żieda ta’ iktar mid-doppju.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici, waqt żjara fiċ-ċentru għall-ħarsien tat-tfal ‘Manuċċa’ fiż-Żejtun.
“Illum ġejt nżur ic-childcares centres li jmexxi l-kunsill lokali taż-żejtun, magħruf bħala Manuċċa, fejn stajt nara l-proċeduri tajbin ħafna li qed jiġu segwiti biex nsegwu is-sigurtà tat-tfal. Aħna bħala gvern impenjati biex nkomplu ngħinu ic-childcare centres f’pajjiżna sabiex jkomplu jaqdu din il-funzjoni importanti li huma jaqdu,” saħaq il-Ministru.
F’dan iċ-ċentru kienu evidenti l-prekawzjonijiet li ttieħdu skont il-linji gwida li nħarġu mill-Awtoritajiet tas-saħħa wara konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenin.
Waqt iż-żjara tiegħu il-Ministru Bonnici rringrazzja l-ħaddiema kollha fiċ-ċentri tal-kura tat-tfal u stqarr kif dawn iċ-ċentri huma ċavetta importanti għal diversi ġenituri li jkunu jridu jkomplu jaħdmu, filwaqt li ħeġġeġ lil iktar ġenituri sabiex jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.