Dari kienu jmorru jaħslu l-ħwejjeġ, jgħidu fuq Ġwanni u Martin u anki saħansitra jgħumu.
Qed nitkellmu fuq l-Għajn tal-Ħasselin tal-Imsida li issa se jibqa’ bħala monument ħaj tal-ħajja tal-Maltin tal-imgħoddi permezz ta’ restawr.
Alfred D’Emanuele, li jiftakar l-Għajn tal-Ħasselin mimlija ħajja.
Qal, “Hawn surmastru. Anke l-mullet ġieli daħal. Naturalment aħna, bħala tfal konna qed naqbdu ħafna sellul, minn kien kapaċi jistad bih. Jew bil-ħama ntellgħu b’idejna. Dik kienet il-proċessjoni ta’ dak iż-żmien. Imma l-iktar li niftakar, ġewwa hija blat sabiħ u nadif, u kulħadd jgħum ġewwa.”
Liliana Risiott Copperstone, oħra li tiftakar l-Għajn tal-Ħasselin fl-antik, tkellmet kif peress li din l-għajn kienet imsaqfa, in-nies setgħu jgawduha sajf u xitwa.
Spjegat, “Tara l-midja soċjali, fejn tara Misidjani jitkellmu b’nostalġija dwar dak li ħallew lil peress li kien emigraw fis-snin bikrin, lejn Kanada u postijiet bħal dawn, l-istess ħaġa kollha li jsemmu, l-Għajn tal-Ħasselin u t-tfal jistadu.”
L-Għajn tal-Ħasselin hija waħda mill-għaxar monumenti storiċi li se jgawdu mill-iskema ta’ restawr tad-Direttorat tar-Restawr.
Is-Sindku tal-Imsida, Margaret Baldacchino Cefai spjegat li l-Misidjani kienu ilhom jistennew bil-ħerqa dan ir-restawr.
Qalet, “Kien ta’ sodisfazzjon għalina li fl-aħħar l-għajn ġiet magħzula biex tiġi irrestawarta. L-għajn tal-Ħaselin hija sinonima mal-Msida u hija landmark għall-Msida, u bażikament l-għajn magħha ġġorr ħafna memorji għall-Misidjani.”