F’Kunsill Ġenerali li l-Partit Nazzjonalista beda jlaqqa’ fil-jum tal-Ħamis biex suppost jagħmel bidliet fl-istatut li wkoll kien hemm il-ġlied dwaru minħabba l-isem u l-motto tal-partit li ried Louis Galea, id-diskors li spikka kien fuq iċ-ċedoli, dik l-iskema sigrieta tal-Partit Nazzjonalista li qed tiffinanzja d-dejn ta’ miljuni li għandu l-Partit ta’ Delia.
Taħt Delia intensifikat il-ħidma fuq din l-iskema li tipprova tgħaddi baxx baxx mil-liġi tal-finanzjament tal-partiti, tant li tneħħa l-massimu ta’ għaxart elef ewro fi flus li jingħataw f’ċedoli.
Fil-Kunsill Ġenerali f’tal-Pietà, il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius ftaħar biċ-ċedoli u qal li dawn huma popolari.
Agius stqarr: “Iċ-ċedoli tant popolari li jagħtu lura l-imgħax ta’ 4%.”
Spjega kif is-Segretarju Ġenerali u l-Viċi Kap u t-teżorier li spiċċa jsodd toqba wara li ma nstab ħadd meta rriżenja l-Mater Dei tal-computers, Antoine Zammit, qed jiffirmaw ċedola wara ċedola fid-Dar Ċentrali.
Agius sostna: “U jiena nara lil Francis Zammit Dimech u lil Robert Arrigo jiffirmaw ċedola wara ċedola ġo dawn l-uffiċċji tad-Dar Ċentrali.”
Il-Partit Nazzjonalista li tant jippriedka fuq it-trasparenza qed jinsisti li ma jistax jippubblika l-lista ta’ min qed jagħti l-miljuni għall-partit tal-istamperija.
Meta kien mistoqsi: “Forsi la darba qed nifhmek li mhux se tippubblikaha din il-lista.”
Delia kien wieġeb: “Le ma nistax mhux m’iniex.”
Il-ġimgħa l-oħra anki David Agius ikkonferma li l-iskema taċ-ċedoli tal-partit ta’ Delia hija waħda sigrieta hekk kif stqarr li ma jistgħux jagħtu ismijiet minħabba r-regoli li bihom taħdem is-sistema taċ-ċedoli tal-Partit Nazzjonalista.
Agius stqarr: Le aħna ma nistgħux nagħmluha minħabba li ma nistgħux nagħtu l-ismijiet minħabba r-regoli li bihom taħdem is-sistema.
Apparti l-iskema taċ-ċedoli, fl-aħħar ġimgħat, il-Partit ta’ Delia qabad ibigħ bottijiet tal-kafè, nofs tużżana bajd, laned tat-tonn taż-żejt u tal-kunserva u ħobża mqatta’ f’dik imlaqqma skema xirjiet.
Għal din l-iskema, il-Viċi Kap innifsu Robert Arrigo beda jieħu l-ordnijiet u kkonferma li l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel il-qligħ.
Fl-aħħar jiem, il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo ftaħar li hemm iżjed minn ħames mitt persuna li taw il-miljuni lill-Partit Nazzjonalista u l-Viċi Kap l-ieħor David Agius ma qagħadx lura biex ineffaħ lill-Arrigo, fl-isfond taċ-ċapċip ta’ Adrian Delia.
Agius sostna: “M’hemmx ċajt ma’ Robert Arrigo fejn jidħlu l-finanzi.”