Il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil ftaħar bl-iskema ċedoli li għamel għall-Partit tiegħu.
Quddiem il-ġurnalisti, f’programm imtella’ mill-Awtoritá tax-Xandir, Simon Busuttil saħaq kemm għenitu l-iskema ċedoli.
Fi kliemu: “l-iskema ċedoli hija skema illi għenet lill-Partit Nazzjonalista immens.”
Mhux biss għenet lill-Partit tiegħu biex jipprova jiżgiċċa mill-għarbiel tal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti li Gvern Nazzjonalista kaxkar saqajh fuqha u baqa’ ma daħħaliex iżda fil-programm Simon Busttil kkonferma kemm l-iskema ċedoli hija waħda sigrieta.
Busuttil qal “dik hija transazzjoni privata u allura inti ma toħroġx l-isem ta’ min għamel dak is-self. Din tiġi waħidha.”
Mistoqsi minn ġurnalist dwar il-powerstation tal-BWSC li għaliha biddlu l-liġi biex din titħaddem bil-heavy fuel oil, Simon Busuttil kien se jagħti r-raġun lil poplu iżda imbagħad baqa’ jsostni li hu biss għandu raġun.
Busuttil wkoll kompla joħroġ fil-beraħ il-koalizzjoni ta’ konfużjoni li jinsab fiha u li kapaċi ġġib instabilità politika minħabba d-differenzi li jkollu ma’ Marlene Farrugia.
“Minkejja li Marlene Farrugia ġejja mill-Partit Laburista u allura ovvja illi pożizzjonijiet politiċi, minn tiegħi ħa jkollha.”
Intant f’inqas minn ġimgħa, fuq ix-xandir tal-istat, il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ prova jimmina l-integrita’ tal-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta dwar Egrant.
“Ma nistax nifhem kif il-Maġistrat illi bħalissa qiegħed jinvestiga dan il-każ ma jistax isib biżejjed biex il-każ jitmexxa.”
Tul l-interventi tiegħu għall-mistoqsijiet li għamlulu l-ġurnalisti spikkaw ukoll it-tweġibiet xotti dwar x’jagħmel dwar oqsma li f’dawn l-aħħar snin isaħħu bħall-pensjonijiet, is-saħħa u s-settur tax-xogħol.
Interessanti li wara li erba’ snin ilu, Simon Busuttil żeblaħ kliem Joseph Muscat li kellu roadmap għall-pajjiżna.
Issa qed juża kliem il-Prim Ministru.
“Jiena tant għamilna proposti Karl…u allura r-road map tiegħi.”