Ġie inawgurat uffiċjalment iċ-ċentru ESPLORA f’Villa Bighi, l-Kalkara. Dalgħodu l-Prim Ministru Joseph Muscat fetaħ uffiċjalment dan iċ-ċentru xjentifiku li huwa riżultat ta’ investiment ta’ €27 miljun.
Il-Prim Ministru spjega li dan iċ-ċentru se jkun fost l-ikbar kumplessi xjentifiċi madwar l-Ewropa. Huwa stqarr li dan hu eżempju wieħed ta’ investimenti fis-settur tal-edukazzjoni, fost oħrajn.
Il-Prim Ministru rrefera għall-impenn tal-Gvern f’dan il-qasam, tant li l-allokazzjoni tal-fondi żdiedet b’ mitt miljun ewro fuq mhedda ta’ sentejn.
Min-naħa tiegħu ċ-chairman tal-MCST Jeffrey Pullicino Orlando fisser kif din il-ħolma llum inbidlet f’realtá u rringrazzja lill-Gvern għas-sehem fundamentali li kellu sabiex jinfetaħ dan iċ-ċentru interattiv.
Dan iċ-ċentru tax-xjenza se jkun ta’ attrazzjoni għal persuni ta’ kull etá u se jkun qed joffri spazzju kreattiv mgħammar bl-aħħar teknoloġija li permezz tiegħu l-viżitaturi se jkunu jistgħu jiskopru x-xjenza minn kull aspett tagħha.