Dawk midħla fis-settur tas-snajja’ ta’ spiss jinstemgħu jgħidu li s-snajja’ fost it-tfal Maltin dejjem qiegħda tonqos.
Is-sengħa tax-xogħol manwali ħadet daqqa ta’ ħarta kbira mal-għeluq tal-iskejjel tas-snajja’ li minnhom ħarġu fost l-aqwa professjonisti Maltin.
ONE News iltaqa’ ma’ Brian Bugeja, eks ħaddiem tat-Tarzna li mal-għeluq tal-bibien tagħha fetaħ skola żgħira li tgħallem is-sengħa tal-inġinerija mekkanika u li jwassal għal ċertifikat akkreditat. Waqt sessjoni ma’ 18-il tifel li għandhom madwar għaxar snin, is-Sur Bugeja sostna li ħafna jitwieldu bis-sengħa u jkunu jridu dik l-imbuttatura sabiex jixprunaw l-aqwa talenti tagħhom.Spjega li “Il-bniedem minnu nnifsu b’hekk għandu par idejn, jiġifieri is-sengħa jien nemmen li qiegħda ġo fih. Mhux f’kulħadd min hu tajjeb għal ħaġa u min hu tajjeb għal oħra.“
Madankollu, is-Sur Bugeja sostna li s-suġġetti akkademiċi huma importanti ferm fis-snajja’ speċjalment suġġetti tax-xjenza u graphical drawing li kollha jorbtu mas-snajja’.
Bugeja qal li “Is-suġġetti akkademiċi huma importantissimi anki fis-snajja pero meta tiġi għall-prattika jiena naqbel illi l-instructors, l-għalliema jkunu ġejjin minn fuq il-bank tax-xogħol. Għaliex is-sengħa, t-teknika li fiha ċerti snajja’ it-teorij ma tgħidlekx kollox trid tipprova trid taħdem dak il-ħaddiem li jkun ġej minn fua il-bank tax-xogħol huwa l-aktar li jista’ jtik dik il-boost”
Waqt waħda mis-sessjonijiet, Thomas Falzon, student ta’ ħdax-il sena qal li midd idu għax-xogħol u tgħallem kif anke jekk ma jkollokx bejt tista’ tagħmel pannelli fit-tieqa u toħloq enerġija nadifa.
Qal li “Għax jiena meta nikber jista’ jkun il-job tiegħi dan. White għax jekk ikollna problema fid-dar jien inkun nista’ nirranġaha. Faċli, faċli.”
Huwa saħaq li dawn il-klassijiet qed jgħinuh ferm hekk kif it-talenti li qed jitgħallem żgur li se jkun qed idur għalihom fil-ġejjieni.