Mill-ewwel ta’ Lulju, it-tfal Maltin u Għawdxin jistgħu jqattgħu s-sigħat sajfin iċafċfu u jilagħbu fl-ilma fil-Water Park ta’ Buġibba.
Il-Water Park huwa parti mill-ispazji miftuħa taħt il-kullana ta’ spazji u postijiet tal-aġenzija Project Green.
Il-Ġimgħa filgħodu żorna dan il-water park, fejn stajna nassistu għall-aħħar preparamenti qabel jibda jilqa’ t-tfal bl-entużjażmu tagħhom hekk kif ikunu qed igawdu l-ġranet tas-sajf ’il-bogħod mill-bankijiet tal-iskola.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, li rrimarka l-importanza ta’ proġetti ta’ dan it-tip għaċ-ċkejknin.
Qal, “Proprju mill-ewwel ta’ Lulju l-Water Park f’Buġibba se jkun qed jerġa’ jiftaħ għan-nies. L-idea hija li jkollna dawn l-ispazji miftuħa li mhux biss ingawduhom fix-xitwa imma anke fis-sajf.”
Steve Ellul semma wkoll l-element inklussiv li se jikkaratterizza lill-Water Park f’dan l-istaġun sajfi. Dan għax Project Green rat li tinkludi sigħat partikolari għal tfal bl-Awtiżmu u l-ADHD sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jgawdu sigħat mill-aqwa f’dan l-ispazju.
Qal, “Din is-sena hija aktar iffukata fuq l-inklużjoni. Fil-fatt, din is-sena qed niddedikaw siegħa oħra li tkun dedikata speċifikament għat-tfal li jbatu mill-kundizzjonijiet tal-awtiżmu jew inkella l-ADHD. Se jkollna siegħa fil-ġimgħa apposta ddedikata, anke mal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawn it-tfal ukoll.”
Ellul semma wkoll li sar investiment f’apparat bħal siġġijiet tar-roti apposta sabiex anki tfal b’kundizzjonijiet partikolari jkunu jistgħu jilagħbu u jingħaqdu ma’ sħabhom f’dan l-ambjent.
Qal, “Din is-sena investejna f’wheelchairs apposta għal tfal bi bżonnijiet speċjali biex anke huma jkunu jistgħu jgawdu dawn l-ispazji miftuħa fis-sajf. Fil-fatt, dawn huma wheelchairs apposta li huma aktar addattati għall-ilma għaliex irridu nkunu ċerti li min jiġi hawnhekk jkun jista’ jgawdi dawn l-ispazji miftuħa.”