Beda l-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb li tipproduċi d-dielja Maltija.
L-istaġun Malti jibda fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju u jibqa’ sejjer sal-aħħar ta’ Settembru, ferm qabel pajjiżi oħra li minħabba l-klima l-istaġun tal-qtugħ tagħhom jibda fil-ħarifa.
B’kollox f’Malta u f’Għawdex hawn madwar għoxrin produttur tal-inbid li ħdax minnhom jipproduċu inbid ta’ kwalità, u madwar tmien mitt bidwi li jkabbru d-dwieli. Fl-istaġun tas-sena l-oħra ġew magħsura maż-żewġ miljun flixkun inbid.
F’għalqa ġewwa tal-Virtù, Emanuel Calleja, li għandu diversi dwieli b’għenieqed tal-għeneb spjega kif l-għenba Maltija hija tajba għax-Chardonnay.
Spjega li n-nixfa li kellna matul is-sena ħalliet effett ħażin fuq id-dwieli.
“Kellna xitwa, waħda inqas minn oħra. Imbagħad biex ikompli jiġik kontrik ix-xogħol it-temperaturi għolew ħafna. Issa nittamaw għas-sena li ġejja, kulħadd hekk qed jgħid li suppost ħaqna waħda tajjba,” tenna Calleja.
B’diversi varjetajiet ta’ inbid fil-produzzjoni, minn dwieli b’għeneb differenti, fosthom iż-żewġ kwalitajiet tipikament Maltin, li huma l-Girgentina u l-Ġellewza, l-Assistent Direttur għad-Direttorat tal-Agrikoltura Mark Dimech qal li l-industrija qed tilqa’ tajjeb għall-isfidi tal-kompetizzjoni, u l-inbid Malti sar imfittex.
Ftit qabel ma’ qata’ l-ewwel għanqud għeneb ta’ dan l-istaġun, il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo faħħar lill-bdiewa għal ħidmiethom.
“Din is-sena erġajna kellna nixfa tal-ilma, kemm fl-istaġun tar-rebbiegħa kif ukoll matul ix-xitwa. Pero minħabba s-sagrifiċċji kbar li għamlu l-bdiewa, naħseb li din is-sena wkoll se jkollna nbid ta’ kwalità għolja, imfittex mit-turisti u anke rinomat fl-Unjoni Ewropea,” qal il-Ministru Refalo.