Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, assista għall-ftuħ tal-istaġun tal-qtugħ tal-għeneb għall-produzzjoni tal-inbid lokali, li l-kwalità għolja tiegħu wkoll hi rikonoxxuta mill-Unjoni Ewropea.
Il-produzzjoni tal-inbid għandha rabta diretta mal-kultura nazzjonali, minbarra li hu wkoll imfittex ħafna mit-turisti li jżuru l-gżejjer tagħna.
Minkejja l-isfidi li s-settur jiffaċċja, inkluż in-nuqqas ta’ ilma tax-xita, dan l-istaġun jawgura li l-kwalità tal-prodott se tkun mill-ġdid ta’ livell tajjeb ħafna, biex b’hekk ukoll ikompli jissaħħaħ is-settur agrikolu lokali.
Il-Ministru Refalo qal li, wara ħidma twila fil-kultivazzjoni tal-għeneb, issa wasal iż-żmien li nibdew naħsdu dan il-ġid u rrimarka wkoll li, biex dan il-prodott joħroġ bi kwalità tajba, hemm bżonn dedikazzjoni kbira u ħila liema bħalha mill-bdiewa u l-għassara.
Tenna wkoll li, dan kollu hu kkumplimentat bix-xogħol tad-Direttorat tal-Agrikoltura, li għandu r-responsabbiltà li jsegwi u jiċċertifika l-proċess tal-produzzjoni tal-inbid.
Darren Borg, Kap Uffiċjal Agrikolu fid-Direttorat responsabbli, spjega li dan l-istaġun tat-tkabbir tal-għeneb ma kienx ikkaratterizzat minn wisq mard u problemi ta’ insetti, waqt li, fejn kien hemm dawn it-tip ta’ każi, ingħataw linji gwida u sar il-moniteraġġ meħtieġ biex jiġu evitati trattamenti żejda.
Semma li, madankollu, is-settur xorta jiffaċċja ċerti sfidi, primarjament dik relatata man-nixfa minħabba n-nuqqas ta’ xita.
“Min-naħa l-oħra, tajjeb li ngħidu li kien staġun fejn jidħlu mard jew insetti tad-dwieli li kienu pjuttost assenti u ma kienx hemm ħsarat minn dak l-aspett. Jiġifieri mil-lat kwalitattiv. Jidher li se jkun staġun tajjeb ferm bħala produzzjoni ta’ għeneb. Ovvjament meta jkollok għeneb ta’ kwalita tajba, bħalma qed naraw li għandna din is-sena, ikollok inbid ta’ kwalità superjuri u prodott tajjeb ħafna għas-suq.”
Darren Borg – Kap Uffiċjal Agrikolu