Owen Borg fetaħ kawża għad-danni kontra RG Towzone Limited b’rabta ma’ inċident li seħħ fi Frar tal-elfejn u dsatax wara li waqgħet fuqu ambulanza fi scrapyard ġewwa Ħal Qormi.
L-inċident seħħ wara li superjuri ta’ Borg bagħtuh biex jaqla “part” minn fuq l-ambulanza u jwaħħalha fuq trakk tax-xogħol.
Borg spjega li dan ix-xogħol, li beda jagħmlu b’għodda limitata li kienet ngħatatlu, sar fuq art ta’ għalqa li ma kinitx stabbli b’konsegwenza li l-ambulanza waqgħet fuqu.
Huwa spjega li huwa talab li jiġi kkumpensat għal dan l-inċident iżda l-kumpanija qatt ma ħallsitu.
Il-kumpanija ċaħdet l-allegazzjonijiet ta’ Borg u qalet li l-inċident seħħ minħabba negliġenza tiegħu.
Il-kumpanija talbet ukoll biex il-kawża tinstema’ quddiem il-Qorti t’Għawdex, minħabba l-fatt li l-uffiċju tagħhom jinsab ġewwa Għawdex.
Il-Qorti tal-Prim Awla Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Toni Abela, kkonkludiet li d-danni li qed jitlob Borg huma effetti sekondarji u kollaterali għall-obbligu li joħroġ mill-kuntratt tax-xogħol bejn Borg u l-kumpanija, li fil-mument li seħħ l-inċident, kien qiegħed jitwettaq f’Malta.
Għalhekk il-Qorti ordnat li l-kawża tkompli tinstema’ quddiemha f’Malta.