Illum, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qiegħed iħabbar li għat-tielet darba fetħu l-applikazzjonijiet għall-Fond Malti tal-Ktieb. Il-Fond għandu valur totali ta’ 40,000 ewro u huwa miftuħ għal kittieba, edituri u pubblikaturi. Huwa kompost minn żewġ tipi ta’ għotjiet – għotjiet għall-pubblikazzjoni u għotjiet għall-edukazzjoni. Kull għotja ġġorr fond massimu ta’ €5,000.
Fil-paġna tal-Fond Malti tal-Ktieb (http://ktieb.org.mt/malta-book-fund) wieħed jista’ jniżżel l-applikazzjoni, kif ukoll linji-gwida u l-kriterji tal-aġġudikazzjoni u informazzjoni utli oħra.
Għotjiet għall-pubblikazzjoni għandhom l-għan li jissussidjaw il-pubblikazzjoni ta’ kotba tal-Melitensia, jew f’forma stampata jew bħala ebooks. Preferenza tingħata lil proġetti ambizzjużi ta’ kontenut kulturali għoli u ta’ rilevanza għas-soċjetà Maltija, speċjalment meta dawn il-proġetti jistgħu ma jkunux kummerċjalment vijabbli minħabba l-limitazzjonijiet tas-suq lokali tal-ktieb.
Din il-kunsiderazzjoni teskludi proġetti li jistgħu faċilment isostnu lilhom infushom jekk jitqassmu fis-suq lokali bil-mezzi stabbiliti diġà. Kotba bbażati biss fuq immaġini jew fotografija huma wkoll esklużi mill-iskema. Proġetti ta’ traduzzjoni huma possibbli sakemm dawn jinvolvu traduzzjoni ta’ xogħlijiet minn lingwi barranin għall-Malti.
Għotjiet għall-edukazzjoni huma maħsuba biex jiffinanzjaw l-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u ħlas għall-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ taħriġ, edukazzjoni ulterjuri u r-riċerka u l-iżvilupp ta’ awturi, edituri u pubblikaturi. L-għotja tappoġġja l-parteċipazzjoni ta’ awturi, edituri u l-pubblikaturi f’korsijiet qosra li jistgħu juru li huma relevanti ħafna għall-qasam tax-xogħol tagħhom. Dan jinkludi workshops, sessjonijiet ta’ taħriġ, programmi ta’ studju u kull esperjenza edukattiva relatata mal-kitba u l-pubblikazzjoni.
Il-kriterji tal-eliġibbiltà huma miftuħa kemm jista’ jkun biex jakkomodaw l-akbar numru possibbli ta’ proġetti u inizjattivi differenti. Regolamenti u restrizzjonijiet xorta japplikaw imma l-kriterji prinċipali għall-għotjiet huma l-valur kulturali tal-proġetti, kemm il-proġett huwa realistiku u l-ħtieġa għall-fondi.
Bord tal-aġġudikazzjoni maħtur apposta se jevalwa kull proġett fi proċess rigoruż ta’ applikazzjonijiet bl-għan li jivverifika kemm il-valur tal-proġett kif ukoll il-ħtieġa għall-finanzjament. Il-proċess tal-aġġudikazzjoni dum ġimagħtejn mid-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet. Huwa importanti li l-applikanti jżommu f’moħħhom li l-għan aħħari tal-Fond huwa li tissaħħaħ il-fiduċja fi proġetti li se jkollhom impatt pożittiv fuq is-suq lokali tal-ktieb.
L-applikazzjonijiet jagħlqu l-Ġimgħa, 18 ta’ Frar 2019 f’nofsinhar