Ġie inawgurat iċ-Ċentru Caravaggio fi ħdan il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, b’investiment totali ta’ aktar minn €2.1 miljun, b’kofinanzjament minn fondi Ewropej.
L-għan ta’ dan iċ-Ċentru, f’wieħed mill-aktar postijiet artistiċi u kulturali mfittxijin f’pajjiżna, hu li l-viżitaturi jiskopru aktar il-ħajja u l-arti tal-artist magħruf, Michelangelo Merisi da Caravaggio, u jkunu jistgħu jesploraw aktar t-tekniki rivoluzzjonarji, il-ħajja li kien jgħix u l-wirt artistiku dejjiemi tiegħu.
Iċ-Ċentru hu kkurat b’mod espert u se joffri opportunità rari biex jintwerew xogħlijiet tal-Caravaggio mill-qrib, waqt li jipprovdi ħarsa lejn il-ġenju kreattiv ta’ dan l-artist stroardinarju.
Dan se jkun qed jipprovdi lill-viżitaturi l-opportunità ta’ esperjenza interattiva u informattiva mtejba matul iż-żjara tagħhom u din iż-żona addizzjonali qed tiġi offruta bħala dħul kumplimentari mal-biljett tad-dħul.
Qalet, “Visitors can approach the painting in a different way and these experiences will allow them to understand the little details that are not visible from a certain distance once they enter in the oratory.”
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, spjega li l-fatt li din iż-żona addizzjonali se tkun qed tiġi offruta bħala dħul kumplimentari bl-istess pass tal-biljett tad-dħul ifisser li se tkun qed tiġi msaħħa l-esperjenza sabiħa li wieħed jgħaddi minnha meta jżur dan il-ġojjell arkitettoniku.
Qal, “Bis-saħħa ta’ dan l-investiment qed inkabbru l-esperjenza għal mijiet ta’ eluf ta’ turisti li jiġu hawnhekk fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u jammiraw is-sbuħija tal-kwadri ta’ dan il-pittur famuż Caravaggio.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Glenn Micallef, sostna kif tali investiment hu l-iprem eżempju tal-ħidma li qed tagħmel din il-Fondazzjoni biex ittejjeb l-esperjenza ta’ dawk li jżuru San Ġwann.
Qal, “Dan l-investiment li inawgurajna llum hi esperjenza ġdida li se tkun qed iżewweġ it-teknoloġija, flimkien mal-arti u l-kultura, li toffri esperjenza ġdida lill-viżitaturi ta’ dan il-maqdes. Il-viżitaturi li jiġu minn kull rokna tad-dinja kemm turisti, iżda wkoll għall-Maltin u għall-Għawdxin kollha.”
Sadanittant, l-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-għan taċ-Ċentru Caravaggio jmur lil hinn mill-valur estetiku. Minbarra li juri l-kobor tal-artist, dan il-proġett hu wkoll xhieda tar-relevanza dejjiema tal-arti ta’ Caravaggio li turi kemm it-tajjeb kif ukoll il-ħażin.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet tnediet uffiċjalment it-tlestija tax-xogħol fuq il-kamra tal-arloġġ, li jmur lura għall-1584, tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u dan wara ħidma li saret mill-ħaddiema tal-Fondazzjoni.
Il-pubbliku jista’ jsegwi mill-qrib kif jaħdem dan l-arloġġ li jiddomina l-faċċata tal-Kon-Katidral kif ukoll il-Kampnar tan-Nofsinhar.