BirdLife flimkien mal-Park tal-Majjistral fakkru l-Jum Internazzjonali tal-Bijodiversità billi poġġew ħames mitt biċċa tal-ħwejjeġ u ffurmaw il-Garnija.
Il-Garnija huwa wieħed mill-għasafar tal-baħar li għandna f’Malta.
F’waħda mill-bajjiet prominenti f’pajjiżna, tkellimna mal-Uffiċjal ta’ BirdLife, Nicholas Barbara, li qal kif għaddej studju dwar dan l-għasfur li jgħix fir-reġjun tal-Mediterran.
Barbara stqarr magħna, “Għalxiex Malta huwa ċ-ċentru tagħha, huwa prattikament għax għandna 10% tal-popolazzjoni tal-Garnija tinsab fil-gżejjer Maltin. U għandna diversi postijiet f’Malta li huma protetti. Għandek partijiet minn Kemmunett, għandek partijiet l-Aħrax tal-Mellieħa, ċertu irdumijiet f’Għawdex ukoll. Jiġifieri qegħdin nippruvaw anke permezz ta’ din l-attività nqajmu iktar għarfien dwar dan l-għasfur u fuq il-bżonn li nipproteġuh.”
Il-Koordinatur tal-Park tal-Majjistral Tamsin Caruana qalet kif din l-inizjattiva se tidher fuq stazzjonijiet internazzjonali.
Tamsin qalet, “Illum il-ġurnata dedikata lil bijodiversità u ġiet fuqna artista mill-Ingilterra u saqsietna rridux nieħdu sehem f’din l-attività biex nagħmlu immaġini ta’ speċi importanti għal Malta. Hemm 20 pajjiż ieħor li qed jieħdu sehem.”