Żgħażugħ Finlandiż jinsab għaddej proċeduri kriminali f’Qorti Finlandiza wara li ġie mixli li seraq kumpanija Maltija tal-logħob, xejn anqas minn kwart ta’ miljun ewro. Dan wara li skopra difett fis-software tal-kumpanija Maltija.
Rapporti f’midja Finlandiża qalu li l-każ qed jiġi meqjus bħala wieħed ta’ frodi, bil-ġenituri taż-żagħażagħ qed jaffaċċjaw ukoll proċeduri fil-Qorti, talli ma staqsewx lil binhom minfejn ġab il-flus.
Il-każ seħħ is-sena li għaddiet, minn ġuvni taħt l-età, li rnexxielu jsib mod kif jitfa’ fil-kont tiegħu, il-flus li jkunu rebħu klijenti ta’ din il-kumpanija.
Fil-fatt, jirriżulta kif iż-żagħżugħ għamel kważi mija u ħamsin tranżazzjoni f’xahar wieħed biss, biex spiċċa daħħal aktar minn €250,000. Dan sakemm inqabad minn wieħed mill-impjegati tal-kumpanija.
Il-prosekuzzjoni Finlandiża qed targumenta li l-ġenituri taż-żagħżugħ huma kompliċi miegħu f’dan ir-reat, għax €14,000 mill-flus misruqa, spiċċaw fil-kont bankarju tal-missier, waqt li €2,800 oħra daħlu fil-kont tal-omm. Bil-flus misruqa l-omm xtrat mutur li jiswa €5,000.
Il-prosekuzzjoni qed tisħaq li ż-żgħażugħ jiġi kkundannat sentenza ta’ 20 xahar ħabs minkejja li għadu taħt l-età.