Il-Perit Gloria Trevisan kienet qed tkellem lill-familja tagħha li tgħix fl-Italja meta saret vittma ta’ dak li qed jiġi msejjaħ ‘infern’ f’Grenfell Tower.
Din it-tfajla qalet lil ommha “jiena sejra l-ġenna” ftit qabel ma ħajjitha ntemmet ħesrem man-nirien li ħakmu dawn l-appartamenti f’Londra.
L-aħħar kliem li lissnet fuq il-linja ma’ ommha kienu “Se nħares fuqkom minn hemm fuq.” Esperjenzi bħal dawn ikomplu jispjegaw il-konsegwenzi ta’ din it-traġedja.
Sa issa, huwa maħsub li mietu 58 persuna. Dwar dan il-każ infetħet investigazzjoni kriminali, dan hekk kif għadu mhux mifhum jekk dawn kienux nirien pjanati jew le.
Trevisan poġġiet ritratt tal-appartament tagħha fi Grenfell Tower fuq Instagram f’April li għadda.
L-għarus ta’ Gloria Trevisan, Marco Gottardi, kien ukoll qed ikellem lill-familjari tiegħu fuq it-telefon fil-mument li l-appartament inbidel fi fjamma waħda. Il-Ministru għall-affarijiet barranin Taljan ikkonferma li kemm Trevisan u Gottardi, tilfu ħajjithom.