“Jien seren ħafna li ħadt id-deċiżjoni li kelli nieħu wara li tkellimt mal-grupp parlamentari. Ħadt pjaċir il-Ħadd li esprimew il-fiduċja fija. Qaluli li hemm il-fiduċja fiha. Dik kienet kruċjali għalija biex nieħu d-deċiżjoni b’serentità”.
Hekk sostna l-Prim Ministru Joseph Muscat f’intervista li sartilu fuq ONE RADIO l-għada li ħabbar li kien se jibda proċess għall-ħatra ta’ mexxej ġdid.
Dr Muscat sostna li din kienet id-deċiżjoni li kellu jieħu f’kuntest.
Dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Dr Muscat qal li dan kien każ li kienu jgħidulna li mhu se jingħalaq qatt, iżda sostna li kien deteriminat li jingħalaq taħt it-tmexxija tiegħu.
Dan għall-kuntrarju ta’ dak li seħħ fil-qtil ta’ Karin Grech u Raymond Caruana minkejja dikjarazzjonijiet li kienu saru minn ex prim ministru li kienu se jissolvew.
Dwar ir-riżenja tiegħu, Dr Muscat qal li dejjem kienet f’moħħu li f’dawn ix-xhur, f’xi ħin ikun qiegħed jagħti r-riżenja tiegħu.
“Waħda mill-affarijiet li żammitni kien li xtaqt li dan il-każ jingħalaq taħti”, qal il-Prim Ministru.
Huma deċiżjonijiet li ħadt u dawn huma deċizjonijiet li rrid nerfa’ r-responsabbiltà tagħhom. Jekk kien hemm ġudizzja tajjeb jew ħażin min-naħa tiegħi, jien irrid nerfa’ r-responsabbiltà. Qal li huwa uża l-kejl fuqu kif użah fil-konfront ta’ sħabu.
Il-Prim Ministru saħaq li l-pajjiż għandu bżonn stabbiltà. Qal li l-pajjiż waqaf jistenna f’dawn l-erbat ijiem u kien hemm bżonn sinjal li nibdew mexijin ’il quddiem.
Innota l-proċess qasir ħafna li ngħata biex jinħatar mexxej ġdid meta tqies il-btajjel tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. F’dan ix-xahar qal li xogħlu jara li l-Gvern jibqa’ mixi ’l quddiem f’dik li hija amminsitrazzjoni ordinarja. “Id-deċiżjonijiet il-kbar f’idejn il-Prim Ministru l-ġdid”, qal Dr Muscat.
Joseph Muscat qal li huwa jirriżenja minn mexxej dakininhar stess li jinħatar mexxej ġdid u jiem wara jirriżenja mill-kariga ta’ Prim Ministru.
Matul l-intervista, il-Prim Ministru qal li jinsab konfortat ħafna bil-messaġġi li waslulu u nnota kif għadu jgwadi l-appoġġ tal-maġġoranza l-kbira.
“Ħassejt ħafna nies qrib, hemm ħafna nies iddispjaċuti u anki jien għandi ċertu dispjaċir. Irrid nirringrazzja lin-nies għall-imħabba tagħhom” qal Joseph Muscat.
Ħabbar li fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin se jerġa’ jżur bosta bliet u rħula Maltin u Għawdxin biex jiltaqa’ man-nies hekk kif għamel fl-2008 meta laħaq mexxej tal-Partit Laburista.
Dr Muscat tenna li l-aħna huwa akbar mill-jiena. “Ix-xewqa tiegħi hi dan il-moviment jibqa’ jikber. Nixtieq li nitgħabba jien bin-nuqqasijiet, jekk hux tiegħi jew le. Kien hemm nuqqasijiet u nitgħabba jien. Min jiġi warajja jibda paġna ġdida”, saħaq il-Prim Ministru waqt li stqarr li qed iħares ‘il quddiem għal ħajja iktar distakkata mill-politika wara li ilu bosta snin f’din il-ħajja meta beda bħala ġuranlist ma’ ONE.
Dwar il-proċess għall-ħatra ta’ mexxej ġdid, Dr Muscat qal li se jassigura li dan il-proċess jkun wieħed imparzjali.
“L-ewwel issir mid-delegati u wara mill-membri li se jagħzlu fil-libertà sħiħa fejn ikun hemm iċ-ċans fejn il-kandidtati jgħidu tagħhom, mismugħa b’mod bir-reqqa u wara ssir l-għażla ta’ min jemmen li jista’ jieħu l-Partit Laburista ‘l quddiem u x’direzzjoni se jagħtih.
“Dak se jkun xogħli bħala garanti tas-sistema. Nara li kulħadd ikun jista’ jagħti l-idea ta’ fejn irridu nimxu ’l quddiem u l-affarijiet li jsiru b’mod imparzjali. Politikament se nara li dan kollu jsir b’mod miftuħ u trasparenti”, qal il-Prim minsitru.
Dr Muscat qal li jinsab ċert li minfloku hemm nies tajbin ħafna u d-delegati u l-membri se jitfixklu fl-għażla għax hemm ħafna nies tajbin.
Dr Musct temm b’messaġġ ta’ kuraġġ lill-Moviment Laburista. Qal li l-Gvern se jibqa’ għaddej. Ma spiċċatx id-dinja. Hemm id-dwejjaq tas-sitwazzjoni li ġejna fiha imma hemm minn fejn ngħaddu.
Kien hemm bżonn li nirreżenja biex ngħaddu minn dan kollu għax l-aħna huwa akbar mill-jiena”, temm jgħid il-Prim Ministru.