14:23 – Ix-xhieda tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat ser tkun qed tkompli wara bibien magħluqa sabiex jagħti dettalji dwar l-involviment tal-MSS fl-operazzjoni minħabba li għandu obbligi legali x’jirrispetta.
14:22 – Dwar jekk lejliet l-arrest ta’ Yorgen Fenech huwa kienx qal lil Keith Schembri biex ma jitlaqx mill-pajjiż, huwa wieġeb li kien qallu “Ara ma jitlaqx.” Stqarr li kien huwa li interpreta li jċempillu madankollu, qal li ma jiddispjaċieh xejn li żamm lil Fenech milli jaħrab mill-pajjiż u jitressaq quddiem il-ġustizzja.
Dwar jekk talabx lil Schembri jgħidlu ta’ min hi l-kumpanija Macbridge, Joseph Muscat wieġeb fin-negattiv.
Fi stqarrija fl-aħħar tax-xhieda huwa stqarr li la hu u lanqas familtu m’għandhom il-ħsieb li jitilqu mill-pajjiż għalkemm xogħlu huwa wieħed internazzjonali u għalhekk isiefer ukoll. Stqarr li kien hemm bniedem mill-Istati Uniti li stqarr li Joseph Muscat għandu każijiet kontrih fl-Istati Uniti. Stqarr li l-flus li qala’ bl-għaraq ta’ xbinu investihom bi prosekuturi Amerikani u għamlu r-riċerka huma u tawh iċ-ċertifikazzjoni li m’hemm l-ebda kawża kontrih jew investigazzjoni fil-konfront tiegħu.
14:16 – Dr Azzopardi għamel numru ta’ mistoqsijiet li l-bord tal-inkjesta saħaq li m’għandhom l-ebda relevanza għall-inkjesta.
Joseph Muscat qal li dwar il-proġett tal-Montenegro huwa mar biex jiftħu u stqarr li minn l-ebda dokument ma kien ħareġ l-involviment ta’ Yorgen Fenech f’dan il-proġett u stqarr li jekk kien hemm involviment bħal dan sewwa għamlet il-midja li esponietu.
14:11 – Joseph Muscat stqarr li lejlet il-jum tal-arrest, Keith Schembri mar għandu sabiex jgħidlu bir-riżenja u mbagħad wara skatta l-arrest tiegħu. Joseph Muscat qal li hu ma kienx jaf li Schembri ser ikun arrestat.
14:02 – Meta mistoqsi għaliex ħareġ mill-grupp ta’ whatsapp fejn kien hemm Yorgen Fenech, xahar qabel li ġie arrestat, Muscat stqarr li l-iżball li sar li ħareġ minnu u mhux li messu ħareġ minnu qabel. Stqarr li dan għamlu waqt eżerċizzju li jagħmel kultant li joħroġ minn gruppi inattivi.
Meta mistoqsi dwar meta sar jaf bl-allegat involviment ta’ Yorgen Fenech stqarr li żgur li dan ma sarx lejn l-aħħar tal-2017. Stqarr li bl-allegazzjoni tal-involviment ta’ Keith Schembri li għadu sal-lum diffiċli jaċċettaha stqarr li l-pulizija qatt ma kienet semmietlu lil Schembri u sar jaf biha biss dakinhar li ħareġ kollox fil-pubbliku.
13:51 – Meta mistoqsi minn Dr Jason Azzopardi għad-dikjarazzjoni li kien hemm klikka ta’ Mafja fil-Partit Laburista huwa wieġbu li hawn ħafna Mafja jiġru mas-saqajn u taħtu (Dr Muscat) biss ġew arrestati n-nies. Innota wkoll li Dr Azzopardi stess qal li l-Mafja daħlet fil-partit tiegħu u għalhekk hu suppost jaf min huma. Dan wara li Azzopardi talab biex Muscat jiddentifika l-persuni fil-magħluq u għal dan ma kellux oġġezzjoni. Muscat xejjen għalkollox ukoll laqgħa ma’ Keith Schembri fid-dar tiegħu bil-lejl kif kien rappurtat.
13:45 – Joseph Muscat spjega li meta kellha ssir operazzjoni tal-arrest tal-allegati eżekuturi kien mgħarraf biha ftit qabel u kien talab li l-informazzjoni ma tingħadda lil ħadd u iddubita kemm kien jaf biha Keith Schembri. Stqarr li dakinhar huwa raha bħala rebħa kbira għall-istat li wasal fejn qatt ma kien wasal qabel fuq qtil bħal dan.
Dwar il-leak tal-emails tal-Electrogas stqarr li kien jaf biss meta din ħarġet fil-pubbliku. Dwar il-fatt li Yorgen Fenech qal li kien jaf meta ġejja l-elezzjoni fl-2016, Joseph Muscat xejjen għalkollox din l-allegazzjoni.
13:37 – Fuq theddid li sarlu qabel l-ewwel talba għall-proklama ta’ Yorgen Fenech, Joseph Muscat stqarr li huwa diġà xehed quddiem il-Maġistrat inkwerenti fil-ġurnata li ġara dan kollu. Stqarr li t-theddida saret permezz ta’ xi ħadd li kellem lil xi ħadd u din it-theddida għaddiet lilu. It-theddida kienet li kien ikun imċappas hu fl-involviment tal-qtil. Dr Therese Comodini Cachia staqsiet lil Joseph Muscat jagħmel ċaħda dwar l-involviment tiegħu fl-omiċidju. Din ma ġietx aċċettata mill-bord u Joseph Muscat deher offiż u stqarr li din hija mistoqsija assurda, filwaqt li l-avukat tiegħu stqarr li din hija mistoqsija b’animu politiku.
Joseph Muscat stqarr li l-mod ta’ kif ingħatat il-proklama hija dokumentata u lill-Avukat Ġenerali u lill-Kummissarju tal-Pulizija talabhom jagħtu l-parir tagħhom u hu mexa fuqu. Bħala punt tat-tluq stqarr li kien jagħti maħfra biss jekk wieħed seta’ jasal għall-allegat mandant. Stqarr li f’laqgħa tal-kabinett huwa għamel introduzzjoni u ħareġ ‘il barra mil-laqgħa u għalhekk id-deċiżjoni dwar il-maħfra ta’ Yorgen Fenech ittieħdet mill-kabinett mingħajr il-preżenza tiegħu.
13:32 – Dr Joseph Muscat qal li dwar jekk lil Keith Schembri staqsiehx għaliex ma qallux dwar Yorgen Fenech u 17 Black qallu li din kienet kwistjoni ta’ negozju bejniethom it-tnejn u li ma kellha x’taqsam xejn mal-Electrogas. Stqarr li lil Yorgen Fenech qatt ma staqsieh. Dr Muscat qal li hu qatt ma tkellem ma’ Yorgen Fenech fuq l-Electrogas.
Dwar ir-ritratt ma’ Melvin Theuma fl-awgurju huwa ġie mistoqsi jekk kienx jaf li Keith Schembri ltaqa’ miegħu f’Kastilja u wieġeb li hu ma kienx jaf. Stqarr li dwar dan, l-għarfien tiegħu huwa limitat għal dak li ntqal fuq il-mezzi tax-xandir.
13:19 – Joseph Muscat stqarr li jikkalkula li matul is-snin Yorgen Fenech kien stiednu għandu madwar tmien darbiet f’kollox f’attivitajiet soċjali. Meta mistoqsi dwar jekk kwalunkwe azzjoni ta’ Konrad Mizzi bħala Ministru għaddietx minn taħt idu, huwa stqarr li bħal kull Ministru ieħor hemm affarijiet li jieħu deċiżjonijiet waħdu l-Ministru u oħrajn li jgħaddu minn taħt idejn il-Prim Ministru. Stqarr li iva l-proċess dejjem kien komplut u fuq deċiżjonijiet kbar hu bħala Prim Ministru kien infurmat.
Dwar il-fatt li Konrad Mizzi dejjem kellu Projects Malta taħt idejh, Dr Muscat spjega kif din twaqqfet biex tamministra l-proġetti.
Meta kien mistoqsi x’kien l-irwol tiegħu f’dawn il-proġetti li jsiru u x’kien l-irwol ta’ Ministru u l-Prim Ministru fil-proġetti li jsiru huwa stqarr li huwa ovvju li għal kull proġett ikun hemm l-iskrutinju u t-tenders bi proċess normali. Stqarr li l-NAO fir-rapporti li qed tikkwota l-Avukata Therese Comodini Cachia ma sabwr l-ebda nuqqasijiet fil-proċessi. Stqarr li għal ewwel darba dan kien Gvern immexxi minnu li għar-rapporti tal-NAO kienet toħroġ tweġiba.
13:11 – Il-bord innota li l-avukata tal-familja Caruana Galizia trid toqgħod attenta li fil-mistoqsijiet ma ssaqsix dwar affarijiet li ntqalu f’kuntest politiku. Comodini Cachia staqsiet dwar il-preġudizzju li wieħed joħloq meta tinxteħed fuqhom il-label ta’ ‘fake news’. Hawnhekk Joseph Muscat stqarr li dan mhux li qal fix-xhieda u talab biex ix-xhieda tiegħu tiġi verifikata. Joseph Muscat fakkar li kien hemm okkażjonijiet fejn Caruana Galizia ivvintat fil-blogg tagħha, fosthom dwar Egrant.
13:07 – Saritlu mistoqsija wkoll dwar billboard li sar b’wiċċ Daphne Caruana Galizia fl-2013. Hawnhekk wieġeb li hija kienet l-Oppożizzjoni politika u ħadet post l-Oppożizzjoni.
13:02 – Dwar dak li qal l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin meta l-midja qalet li ma ġewx mistiedna għal media briefing dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Hawnhekk il-bord innota kif kien xhud ta’ “Shift News’ li lmenta dwar dan. Hawnhekk ħareġ li kif minn dejjem kienet l-prassi, ġurnalist irid ikun akkreditat mid-dipartiment tal-informazzjoni biex ikun mistieden. Dwar preżenza mal-midja, Joseph Muscat qal li dejjem kellem lill-ġurnalisti ta’ kuljum u anke mar fuq programmi li kienu jsiru.
12:59 – L-avukat li qed jassisti lil Joseph Muscat stqarr li huwa diġà kien ċar li mhux ser ikun qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ deputati Nazzjonalisti. L-Avukata Therese Comodini Cachia qalet li kienu ġew ippubblikati emails minn Henley and Partners li kien qed jitlob il-permess tal-Gvern biex jiftaħ il-kawżi kontra Daphne Caruana Galizia u xi kmamar tal-aħbarijiet dwar dikjarazzjonijiet fuq l-IIP. Joseph Muscat stqarr li dan ma kienx permess iżda huwa ma kellux oġġezzjoni li jsiru proċeduri ta’ defamazzjoni. Stqarr li mingħajr l-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment ħafna nies kienu jispiċċaw bla għajnuna anke f’din il-pandemija u stqarr li huwa m’oġġezzjonax u ma tax permess. Muscat wieġeb li huwa qatt ma tkellem mal-Henley and Partners dwar meta kienet ser issir elezzjoni. Huwa ġie mistoqsi wkoll għal numru ta’ drabi meta Joseph Muscat ma’ għamilx intervisti mal-ġurnalisti. Il-bord m’aċċettax din it-talba minħabba li din hija biss kwistjoni politika.
12:53 – Mill-ġdid kompliet l-inkjesta pubblika fejn Joseph Muscat qal kif fl-aħħar jiem qabel ħabbar ir-riżenja tiegħu ħass li ma kienx għadu postu fit-tim tiegħu Kieth Schembri. Stqarr li l-ittra ta’ riżenja ppublikata minn Joseph Muscat stess hija l-istess ittra li ġiet preżentata lill-President tar-Repubblika. Stqarr li ma ppublikahiex mill-ewwel biex ma jmurx kontra l-kelma tal-President. Meta mistoqsi r-raġuni għaliex irriżenja l-eks Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li kellu pariri biex imur għal elezzjoni ġenerali flok jirriżenja iżda filwaqt li kien konvint li kien jirbaħha huwa ħass li kienet tkun ta’ sfida għall-pajjiż. Stqarr li l-kabinett qatt m’urieh it-talba li hu jirriżenja.
12:17 – Meta ġew biex jagħmlu l-mistoqsijiet l-avukati tal-familja, Joseph Muscat stqarr li mhux lest jintuża f’logħob politiku u mhux ser ikun qed iwieġeb għall-mistoqsijiet li ma jsirux mill-bord. Wara waqfa ta’ għaxar minuti ser ikunu qed jingħaddu l-mistoqsijiet lill-bord u dawn jagħmluhom lil eks Prim Ministru Joseph Muscat.
12:11 – Dr. Muscat qal li min daħħal f’moħħ Keith Schembri biex jagħmel xi struttura finanzjarja barra minn Malta tah parir ħażin politikament. Stqarr li kif ġie arrestat iċ-Chief of Staff tiegħu huwa ħass li kellu jirriżenja minn Prim Ministru u għalhekk għamel hekk. Stqarr li lil Keith Schembri u Konrad Mizzi kien jarahom essenzjali fil-makkinarju tal-Gvern għaliex “they were doers”. Dwar dakinhar tal-omiċidju spjega kifi hu kien tas-Sliema għal attività u fit-triq irċieva telefonata mill-Forzi Armati li kienet tgħid li kien hemm splużjoni fl-inħawi ta’ Burmarrad u l-ewwel ħaġa li għamel staqsa kinitx kamra tan-nar għaliex missieru jaħdem in-nar. Spjega kif ċempel lil missieru u wieġbu. Sadattant, wasal Kastilja u bdiet tidħol l-informazzjoni li l-isplużjoni ġejja mill-Bidnija. Stqarr li wara daħal Keith Schembri fl-uffiċċju u qallu li jekk ma jiddaħħlux il-barranin fiha qatt ma jinqabad minn qatel lil Caruana Galizia. Stqarr li tah l-idea li jitkellmu mal-barranin, iżda raw li jitkellmu mal-Ewropej ukoll. Stqarr li tkellmu mal-Olandiżi u Ingliżi u ġie kkuntatjat Mark Schapiro, rappreżentant tal-Gvern Amerikan f’Malta, li għarrfu li l-FBI jistgħu jiġu Malta l-għada minn Ruma. Spjega kif l-ewwel darba li ġie mgħarraf li ssemma isem Keith Schembri huwa meta issemma fl-interrogatorju ta’ Yorgen Fenech.
12:07 – Dwar 17 Black, Dr. Muscat stqarr li huwa kien qed ikun akkużat li ħa l-flus hu ukoll u l-akkużi fuqu bdew jintrabtu mal-akkużi ta’ 17 Black. Stqarr li kollox irid jittieħed f’kuntest, u minħabba li kienet qed issir gidba fil-konfront tiegħu dejjem baqalu dubju kemm dak li kien qed jingħad fil-konfront ta’ oħrajn huwa mhux veritier ukoll. Stqarr li l-unika pass li seta’ jieħu u li jista’ jkun akkużat li ma jagħmilx huwa li jneħħi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dwar il-ħsieb li minħabba f’hekk kien hemm min ħaseb li kien hemm xi impunità biex jitwettaq xi assasinju, żgur li min għamilha ma kellux impunità. Qal li fl-ebda każ ta’ tqegħid ta’ bomba ma nstab kif ġara f’dan il-każ. Stqarr li f’soċjetà żgħira bħal ma hija Malta, l-idea li persuna f’kariga eżekuttiva hija insulentata minn nies li b’xi mod jew ieħor taffetwa, la qatt kienet u qatt ma tista’ tkun. Stqarr li huwa kellu kritika b’saħħitha li ħadem ma’ Nazzjonalisti kbar u stqarr li kull min mar għandu bi proġett dejjem sabu biex jgħinu jinvesti f’pajjiżna. Stqarr li dejjem kien jgħid sabiex ħadd ma jħares lejn uċuh.
11:51 – Fakkar kif il-budget tal-pulizija żdied b’terz kemm dam Prim Ministru hu. Stqarr li hu żgur li ma kien jagħti arja lil ħadd. Stqarr li sakemm kellu poter hu qatt ma ħalla lin-nies jagħmlu li jridu. Stqarr li kien hemm kliem dwar ‘Kitchen cabinet’ u gvern fi gvern. Stqarr li huwa ma kienx fl-awla sabiex ikun jaf il-kuntest li fiha intqalet. Stqarr li bħala fatt bħala Prim Ministru hu sejjaħ medja ta’ erba’ laqgħat tal-kabinett fix-xahar. Lawrence Gonzi kellu medja ta’ 3.4 u Fenech Adami ta’ 3 fix-xahar. Stqarr li l-attitudni tiegħu dwar il-laqgħat tal-kabinett kien li jitkellem l-aħħar wieħed. Stqarr li l-ebda Ministru qatt ma kien qallu li kien hemm xi tip ta’ kitchen cabinet.
11:39 – Stqarr li isem Keith Schembri lilu qatt ma ssemmielu mill-pulizija b’konnessjoni mal-omiċidju. L-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat qal li hu dejjem kien jemmen li Prim Ministru m’għandux jagħmel iktar minn żewġ termini. Stqarr li wara l-mandat b’saħħtu tal-2017, il-ġurnalist Reno Bugeja kien staqsieh jekk hux dan l-aħħar terminu tiegħu u hu wieġeb li hekk hu.
11:27 – Fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia stqarr li l-mument li kien hemm xi tip ta’ theddida fuqha kien mill-ewwel jaqbel u jissuġerixxi li jkollha xi tip ta’ skorta. Hija kitbet li hija ma riditx dan. Stqarr li Daphne Caruana Galizia kienet b’saħħitha iktar mill-midja indipendenti kollha f’daqqa għalkemm kienet tidher hi biss. Stqarr li hija kienet l-Oppożizzjoni. Spjega kif f’mument wara l-elezzjoni tal-2017 hija spiċċat politikament irrelevanti għaliex daret fuq l-Oppożizzjoni. Stqarr li min qatilha barra li hu assasin u kriminal ukoll huwa wkoll injorant minħabba li qatilha meta kienet politikament irrelevanti.
Dr Muscat qal li huwa seta’ jimxi b’iktar saħħa mal-ħruġ tal-Panama Papers iżda stqarr li l-informazzjoni bdiet toħroġ bil-mod. Spjega kif minnufih huwa ddaħħal fix-xena u beda jintefa t-tajn lejh u minħabba f’hekk huwa ġie kkundizzjonat.
Joseph Muscat saħaq li mal-ħruġ tal-Panama Papers huwa kellu jieħu ġudizzju politiku. Madankollu huwa ma setax jgħid lill-pulizija x’jagħmlu u x’ma jagħmlux. Stqarr li dan kien tsunami, għamel ġudizzju politiku u wara l-poplu ġġudikah. Stqarr li l-istrutturi dejjem għandhom ikunu msaħħa u hemmhekk setgħu mxew b’mod iktar spedit.
Stqarr li l-predeċessur tiegħu ġie preżentat fatt li membru tal-kabinett tiegħu kellu kont l-Iżvizzera mhux iddikjarat, wera d-diżappunt tiegħu għal dan u ma sar xejn. Stqarr li dan qed jingħad biex jngħata kuntest. Qal li mal-mument li Prim Ministru jitmexxa b’dak li jinkiteb fuq Facebook u fuq il-mezzi tax-xandir jista’ jaqbad u “jagħti ċ-ċwievet ta’ Kastilja”.
11:05 – Joseph Muscat qal li qatt ma ta direzzjonijiet lill-Avukat Ġenerali dwar kif issir investigazzjoni. Stqarr li l-‘Panama Papers’ kellhom l-effett lokalment u ħa passi kontra Ministru tiegħu. Stqarr li jekk kinux biżżejjed jew le ikun iġġudikat mill-istorja. Fakkar kif wieħed mill-awturi ta’ rapporti tal-FIAU llum qed ikun akkużat bi sperġur quddiem il-Qorti. Stqarr li mal-midja bħalma kull politiku fid-dinja hemm ‘love hate relationship’. Stqarr li l-ġurnalisti u l-politiċi jridu lil xulxin biex jeżistu. Il-midja llum ħadet l-irwol tal-Oppożizzjoni stqarr Joseph Muscat. Dr. Muscat spjega kif ra argument li qed jinbena mill-mezzi tax-xandir u stqarr kif dawn qishom qed jgħidu li l-Gvern ma kienx jaf li ser iseħħ il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda l-fatt li ma tteħidx pass iktar drastiku milli ttieħed seta’ b’xi mod wassal għall-qtil. Huwa fakkar li l-Prim Ministru ma jiddeċidix min jittressaq quddiem il-Qrati. Qal li jekk għal mument nassumu li Daphne Caruana Galizia nqatlet wara l-Panama Papers u l-Electrogas, hawnhekk qed nassumu mill-ewwel li l-persuna arrestata hija diġà ħatja. Qal li mhux jgħid li dan mhux minnu imma li l-mottiv tal-qtil għadu mhux stabbilit.
10:48 – Joseph Muscat qal ukoll li ma’ Yorgen Fenech iltaqa’ miegħu l-ewwel darba fit-tieni nofs tal-2008 u l-ewwel nofs tal-2009. Stqarr li kien avviċinat jixtieqx jiltaqa’ mal-familja Fenech hekk kif qed iħossuhom li qed jitbiegħdu mill-Partit Laburista. Stqarr li magħhom kien hemm Yorgen Fenech. Stqarr li lil Yorgen Fenech kien jafu u ġieli bgħattlu messaġġi iżda kien jarah biss ftit drabi u ma kienx jafu mill-qrib. Stqarr li mill-ewwel darba li ltqajt miegħu sar jaf li lil Keith Schembri kien jafu għaliex kien preżenti wkoll fl-ewwel laqgħa.
Dwar whatsapp chat bejnu u bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech. Qal li ntqal li kien hemm ritratti ta’ ikel u inbejjed u whiskeys u dawn ikkonfermahom. U dwar ritratti ta’ nisa stqarr li ma jikkonfermahiex u lanqas minn dak li wrewh il-pulizija ma jidher li kien hemm ritratti ta’ nisa. Stqarr li hu ma jħossx li għandu għedewwa, u stqarr li hemm negozjanti, trade unjonisti u ħaddiema umli li magħhom jitkellem ta’ spiss.
Stqarr li hu lill-pulizija qatt ma qalilhom x’jagħmlu jew ma jagħmlux. Spjega kif il-pulizija kienu jgħidulu dak li jħossu għandu jkun jaf. Stqarr li hu qalilhom biex jimxu għalkollox ma’ dak li tgħid il-Europol. Dwar l-FIAU huwa stqarr li kellu biss darbtejn kuntatt dirett magħhom kemm dam Prim Ministru. L-ewwel darba meta ħarġet storja l-Italja dwar kumpanija tal-gaming li fiha kien hemm involut it-tifel ta’ eks-Prim Ministru u kien hemm ħafna dikjarazzjonijiet u timbri minn midja Taljana. Stqarr li huwa ħareġ jiddefendi lil pajjiż u ma pruvax jirbaħ punti politiċi. Darba oħra kienet meta każ seta’ jippreġudika relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi oħra u l-investiment f’pajjiżna. Stqarr li f’mument minnhom l-FIAU bdew jinsistu li jkun hemm dokumentazzjoni tal-UBO ta’ Smart City li huwa l-mexxej ta’ Dubai. Qal li huwa għadda l-messsaġġ lill-FIAU li ma tagħmilx sens li tmur titlob l-kont tad-dawl lil mexxej ta’ Dubai wara li ġab dan l-investiment f’pajjiżna taħt amministrazzjoni preċedenti.Fuq il-kummissarji, stqarr li bejn l-1987 u l-1992 kien hemm erba’ kummissarji tal-pulizija. Huwa qatt ma ndaħal fuq l-ebda investigazzjoni.
10:25 – Innota li wara bdiet iddur l-istorja li Egrant mhux tiegħu iżda ta’ martu. Stqarr li din intqalet minn membru parlamentari tal-Oppożizzjoni f’kumpanija ta’ nies oħra. Joseph Muscat qal li mar jistaqsi lil martu u ma setgħux jemmnu dak li beda jintqal. Qal li għalhekk għamel inkjesta li fiha intefqu żewġ miljun ewro minn fondi pubbliċi u rabat il-karriera tiegħu mal-eżitu tagħha. Stqarr li hu dejjem mexa bl-istess kejl ma’ kulħadd. Stqarr li f’kull każ huwa aġixxa wara li kien hemm investigazzjoni. Qal kif ġiet investigata wkoll allegazzjoni li c-Chief of Staff tiegħu ħa flus ta’ kickbacks mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Saħaq li għal din l-inkjesta m’hemmx pressjoni biex tkun ippubblikata. Stqarr li jixtieq ikun jaf il-konklużjoni ta’ din l-inkjesta u jkun jaf jekk iċ-chief of staff tiegħu kienx involut fil-korruzzjoni.
10:16 – Dr. Muscat tkellem ukoll dwar festin li għalih kien hemm Yorgen Fenech. Stqarr li f’dak il-perjodu huwa u l-familja tiegħu kienet mistiedna ma’ grupp ta’ nies għand xulxin għall-festin tal-Milied u ma dawn kien hemm Yorgen Fenech. Stqarr li hu kien talab parir tas-servizzi sigrieti u qalulu jibqa’ jimxi b’mod normali. Stqarr li jekk jimxi mod ieħor u ma jistidnux seta’ jimmina l-investigazzjonijiet. Qal li hu qatt ma ltaqa’ kastilja f’laqgħa privata ma’ Yorgen Fenech.
Meta mistoqsi dwar intimità man-negozju stqarr li kull Gvern fid-dinja u anke dak f’Malta jrid ikun qrib in-negozju. Qal li l-ekonomija titmexxa minn mhux iktar minn għaxra min-nies. Stqarr li ekonomija reali hija kruċjali u t-titjib fil-ħajja tan-nies kienet kruċjali. Stqarr li l-intimità bejn in-negozji u l-Gvern ilha hemmhekk. Għamel referenza għall-awtobijografija tal-President Emeritus Dr Fenech Adami. U dan tkellem dwar meta waqa’ l-Gvern ta’ Alfred Sant. Stqarr li lil John Dalli kien qallu li kien irranġa diġà biex ajruplan ta’ Tumas Grupp imur għalih il-Libja sabiex ikun preżenti fil-parlament u jwaqqa’ l-Gvern.
Stqarr li kull negozjant li ried jiltaqa’ miegħu kien jiltaqa’ miegħu u permezz ta’ hekk salva eluf ta’ impjiegi. Dan bl-istess mod ma’ trade unions. Stqarr li dwar 17 Black hu lic-Chief of Staff tiegħu kien qallu sabiex jgħid kollox lill-awtoritajiet u b’tama li toħroġ il-verità. Stqarr li din ma kinitx tidher tajba. Stqarr li Schembri kien qallu li l-istrutturi kienu mibnija fuq in-negozju. L-ironija hija li l-mument li ħareġ isem ta’ min hi ’17 Black’ il-pressjoni naqset u saħansitra l-Oppożizzjoni lanqas kienet semmiet isem.
10:03 – L-eks Prim Ministru qal li l-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma huwa l-unika persuna li ltaqa’ miegħu darba. Fil-Milied tal-2018 bħal kull sena huwa kien jilqa’ l-awguri tan-nies. Is-servizzi sigrieti qalulu li kienu intraċċaw telefonata ta’ Theuma u kien fost in-nies li qed jiġu segwiti u qalu li hu kien qal li ser jibbukja biex jidħol u jieħu ritratt miegħu meta jkun hemm l-awguri. Talabhom jgħidulu min hu u qal li kien hemm nies tas-servizzi sigrieti stazzjonati hemm fil-kamra. Qal li daħal is-sur Theuma mal-familja tiegħu jieħu ritratt u warajh daħlet sinjorina. Din qaltlu “X’se nagħmlu fuq ta’ Vince Muscat?” Qalilha li hu ma jitkellimx fuq dawn l-affarijiet. Waqaf mill-awguri u informa lis-servizzi sigrieti dwar dan kollu. Qal li llum għandu dubji kbar kemm dan kollu kienx ‘frameup’ li ma rnexxiex għal xi raġuni jew oħra.
09:56 – Dwar l-istorja tal-‘Panama Papers’, stqarr li llum nafu aktar u l-istejjer dejjem żviluppaw biċċa biċċa. Stqarr li kull min għandu xi tip ta’ struttura finanzjarja barra l-pajjiż ma tistax mill-ewwel tgħid li hu kriminal. Stqarr li kieku l-ekonomija tagħna tikkrolla. Stqarr li hemm negozjanti u membri tal-ġudikatura li jissemmew fi ‘Swiss Leaks’ u ‘Panama Papers’ u għalhekk mhux kulħadd għandu intenzjoni ħażina. Stqarr li f’dikjarazzjoni tal-assi tal-Ministru Konrad Mizzi kien jidher li kellu struttura barra l-pajjiż. Stqarr li wara r-rapport Keith Schembri kien qallu li ngħata l-parir biex jagħmel din l-istruttura wara li ma kienx ser jibqa jagħmel użu mis-servizz tal-Bank of Valletta. Stqarr li Konrad Mizzi wkoll qallu li kellu bżonn jagħmel struttura ta’ dan it-tip. Stqarr li madankollu minn hemm bdiet kampanja massiva u bdew jitwaħħlu billboards bir-rettorika li hu huwa t-tielet persuna. Stqarr li madankollu hu jaf li qatt ma kellu kontijiet barra. Stqarr li l-gidba Egrant jemmen li ġiet misqija lil Caruana Galizia. Dr Muscat stqarr li hu qatt ma kellu flus barra l-pajjiż u lanqas kontijiet. Qal li hu qatt ma ħa passi fuq dawn il-kummenti għaliex jemmen fil-libertà tal-espressjoni. Stqarr li kellu l-parir ifittex b’libell lil min qallu l-‘king tal-korruzzjoni’ iżda hu xorta m’għamilx dan.
09:50 – Dwar bloggs minn Glenn Bedingfield u Neville Gafa, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li Daphne Caruana Galizia kienet segwita ħafna fil-pajjiż u l-analiżi ta’ dawn il-kitbiet hija nieqsa minn dan kollu. Qal kienet tvarja bejn ġurnaliżmu ‘world class’ u bejn affarijiet irrelevanti ‘gutter gossip’. Stqarr li pprova jirriċerka kemm-il darba ssemmew hu u l-familja tiegħu u qal li ma rnexxilux tant kemm semmietu. Stqarr li qatt ma kien irrefera għaliha b’isimha ħlief fil-konferenza stampa wara l-qtil tagħha. Stqarr li lilu minn dejjem kienet tħobb u tikteb fuqu anke minn qabel laħaq Kap tal-Oppożizzjoni. Qal kif dak kollu li kien jgħid hu, imkien ma rreaġixxa għalih. Stqarr li anke għaliex il-kunjata tiegħu kienet f’home kitbet eżatt wara mewtha. Madankollu, huwa dejjem emmen li meta tkun fil-ħajja pubblika trid tidra taqla’ ġo fik b’reżiljenza kbira. Ma’ min kien jitkellem dejjem kien jgħidlu tirreaġixxix. Stqarr li madankollu Glenn Bedingfield huwa wkoll annimal politiku u stqarr li meta kien jgħidlu ma jiktibx kien jgħidlu li huwa għandu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni wkoll. Stqarr li hawnhekk kellu punt ukoll u li għalhekk wieħed ma jistax joqgħod jipponta subajh. Stqarr li fejn kellu xi influwenza dejjem waqqaf stejjer li jattakkaw b’mod personali, kemm fejn hemm rekordings u filmati ta’ membri parlamentari, u stejjer li jattakkaw qraba ta’ membri parlamentari. Stqarr li jemmen li dak li għamel hu bl-ebda mod ma kien jinstiga l-mibegħda fuq Daphne Caruana Galizia.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/12/04/il-bord-tal-inkjesta-pubblika-fuq-il-qtil-ta-dcg-investiga-biss-terz-tal-istat-joseph-muscat/