“Ma ddejjaqx minni għax rani nibki, jagħtih kien u jagħtih baqa’, nirringrazzja l-Alla li t-tifel ma kienx magħna.”
Dan kien kliem Emily, it-tfajla tal-kuntistabbli mill-għassa ta’ Ħaż-Żabbar, Christian Agius li safa attakkat bl-aktar mod aggressiv propju għax huwa Pulizija.
Emozzjonata u taħt xokk, hija qaltilna li kienet preżenti fil-mument li s-sieħeb tagħha safa’ attakkat. Hija spjegat li l-każ seħħ kollu f’leħħa ta’ berqa u li malli niżel mill-karozza, bniedem li huwa magħruf sew mal-Pulizija, beda jtih daqqiet tal-ponn, “bi ħdurha liema bħalha.”
It-tfajla spjegat li kien fil-mument li r-raġel intebaħ li huwa Pulizija li s-swat żied u l-agressur sar aktar agressiv. Hija stqarret magħna, li din ix-xena, li żġur ebda persuna ma tkun tixtieq tgħaddi minnha affettwata mentalment u li ma tistax tneħħi minn quddiem għajneja l-mument li rat lill-għarus tagħha miksi bid-demm, vittma ta’ abbuż minħabba l-kariga tiegħu.
“Din l-esperjenza ħalliet fuqi effetti negattivi, speċjalment mentalment, għax l-ebda persuna ma tkun trid tara lill-għeżież tagħha jaqilgħu daqqiet ta’ ponn b’dik il-ħdura kollha.”
Fl-appell tagħha, Emily saħqet li ebda ċittadin m’għandu jiġi trattat b’dan il-mod u msawwat brutalment, b’mod speċjali uffiċjal tal-Pulizija li dejjem ikun hemm biex jipproteġi liċ-ċittadin. Hija esprimiet ukoll it-tħassib tagħha dwar is-sigurtá ta’ binhom u l-biża li l-kariga ta’ missieru, fid-dinja li qed ngħixu fiha llum, jaf tpoġġih fil-periklu.
Kien meta l-Kuntistabbli xegħel l-indicator u tefa’ fil-ġenb li l-aggressur waqaf bis-salt quddiemu, niżel u fetaħ il-bieba tal-Kuntistabbli. Dan kulma laħaq għamel hu li saqsieh kif kien qed isuq, u informah li huwa Kuntistabbli. Ta’ dan, l-aggressur wieġeb bi kliem oxxen u beda jtih kemm jiflaħ, tant li kisirlu jdejh u subgħajh u ħallieħ b’ħafna dmija.Il-Kuntistabbli kien għadu fil-vettura meta l-aggressur baqa’ jtih, telaq jiġri, rikeb il-vettura tiegħu u ħarab.
Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu li l-agressur apparti li għamel sitt snin ħabs fuq hold up, u li din ma kinitx l-ewwel darba li l-agressur niżel mill-karozza u sawwat in-nies.