“Irridu li jkun hemm ġustizzja sħiħa. Irridu li jkun hemm riċerka għal verità sħiħa u kompluta.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela hekk kif kienet qed tiġi diskussa l-mozzjoni dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia wara li ġġarraf sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin fit-tlieta ta’ Diċembru li għadda.
F’diskors, fejn fih il-Prim Ministru għamilha ċara li mhux se jaqa’ fin-nassa tal-polarizzazzjoni politika fuq dan is-suġġett, Dr Abela saħaq fuq l-importanza li ssir ġustizzja. Dan anke fid-dawl li 7 xhur wara l-inċident għadha lanqas intemmet l-inkjesta maġisterjali.
Fil-fatt Dr Abela għamel referenza għall-każ simili ta’ Miriam Pace fejn l-affarijiet imxew b’mod ferm differenti. Hekk kif l-inkjesta ngħalqet fi żmien xahar u għaxart ijiem.
“Nagħmel appell ukoll biex malli jingħalaq il-proċess verbal l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jeżerċitaw is-setgħat tagħhom li joħorġu minn dakinhar. Joħorġu immedjatament l-akkużi u jressqu lil kull min għandhom iressqu quddiem il-Qrati. Dan huwa messaġġ li rrid nibgħatu b’mod ċar ħafna. Jien nesiġi u rrid li ssir ġustizzja sħiħa.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna li jemmen li bil-votazzjoni fuq din il-mozzjoni, il-Parlament irid jibgħat 3 messaġġi ċari. L-ewwel wieħed, li kull min għandu responsabbiltà xi jġorr għal dan l-inċident, għandu jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa. Fil-fatt il-Prim Ministru spjega wkoll kif l-awtorità governattiva responsabbli mill-art li fiha seħħ l-inċident fetħet kawża biex tieħu l-art lura mingħand min ġiet konċessa lilu.
Il-Prim Ministru rrimarka wkoll li, bit-tieni messaġġ f’din il-mozzjoni, il-Parlament għandu jikkundanna kwalunkwe messaġġi ta’ attakk fuq omm il-vittma u l-qraba ta’ Jean Paul Sofia.
Dan filwaqt li l-Parlament għandu jkun konxju tal-passi li ħa diġà b’rabta ma’ dan is-settur u jkompli jtejbu.
Sadanittant il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-inkjesta maġisterjali hi l-aqwa għodda li l-Istat għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jasal għat-tiftix tal-verità f’każi bħal dawn. Dan filwaqt li tenna li għandu fiduċja sħiħa fl-inkjesta, fil-maġistrat inkwirenti, fl-espert tekniku Alex Torpiano u wkoll fl-eventwali eżitu tagħha.
Hawn il-Prim Ministru madankollu rrimarka, b’kuntrast dak li trid l-Oppożizzjoni bit-talba tagħha għall-inkjesta pubblika anke kif tixhed il-mozzjoni li ressqet.
Inkjesta pubblika miftuħa u mxandra fuq it-televiżjoni, li tkun komposta minn persuni li trid hi u bil-parametri tagħha wkoll tiddeċidihom hi.
Fil-fatt, il-Prim Ministru sostna kif l-Oppożizzjoni qed tagħti l-impressjoni ħażina li l-Maġistrat fl-inkjesta għandha xi limitazzjonijiet, mentri dan mhux minnu, hekk kif din għandha riżorsi bla limitu.
“Tafu kemm l-inkjesta maġisterjali għandha għodod b’saħħithom tant hu hekk li meta għandna inkjesta maġisterjali ta’ profil għoli għaddejja qed tesprimu l-fiduċja sħiħa li twassal għal verità kollha. Allura jien, li ma nagħmilx Sur President, huwa li nuża kejl differenti skont il-każ li jkolli quddiemi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru ma waqafx hawn, hekk kif tenna li fl-aħħar xhur il-Gvern ħadem qatigħ biex itejjeb dan is-settur, fosthom bit-twaqqif tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni u l-liċenzja tal-kuntratturi li bħalissa qed tiġi implimentata.
B’rabta mal-aġir tal-Oppożizzjoni tul dan id-dibattitu, il-Prim Ministru tenna li huwa perpless anke għall-fatt li fil-mozzjoni li ressqet lanqas tissemma l-kelma “ġustizzja”.
“Għalhekk nenfasizza fuq il-ġustizzja. Sur President, ara jekk il-kelma ġustizzja tiffigurax fil-mozzjoni tal-Oppożizzjoni. Lanqas darba. Lanqas darba. Ara jekk il-kelma ġustizzja tissemmiex darba. U ma tissemmiex, Sur President, għax filwaqt li l-familja trid il-ġustizzja, l-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda interess fil-ġustizzja, iżda interessata biss li din il-kwistjoni tikkonvertiha f’ballun politiku. “
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela kkonkluda billi sostna li l-inkjesta għandha tingħata prijorità massima, hekk kif is-soċjetà hemm barra qed titlob li dan il-proċess jingħalaq.
“Dan nemmen li hu l-aqwa mod li dan il-Parlament jista’ jibgħat messaġġ b’saħħtu hemm barra li kull min jopera f’dan is-settur fl-industrija tal-kostruzzjoni, irid ikun serju, irid jaħdem skont l-arti, irid jaħdem skont is-sengħa, irid jaħdem skont l-obbligi legali li għandu, irid jaħdem b’rispett sħiħ lejn il-ħaddiema kollha li jkunu fuq is-sit, b’rispett sħiħ lejn il-ġirien, irid jaħdem bl-ogħla standards u jekk ma tagħmilx hekk, l-id tal-ġustizzja tilħqek u trid tħallas konsegwenzi serji.”
Il-Prim Ministru Robert Abela