Bħala parti mill-kampanja internazzjonali tas-16-il jum ta’ għarfien u attiviżmu kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità organizzat rappreżentazzjoni artistika bl-isem ‘Jien mill-Ġdid’, bil-għan li tibgħat messaġġ ta’ kuraġġ biex min hu vittma ta’ tali ċirkostanzi reali jfittex l-għajnuna.
L-istorja ttrattat mara li żżewġet ir-raġel tal-ħolm tagħha, iżda wara bdiet tiġi ttrattata ħażin u saħansitra msawta minn żewġha. Xi żmien wara l-mara ddeċidiet li tfittex l-għajnuna u tirrapporta.
Il-mara rnexxielha terġa’ tqum fuq saqajha u toħroġ minn din it-tbatija biex tibda ħajjitha mill-ġdid. Minbarra d-drama, ittellgħet esebizzjoni b’ritratti li jibgħatu messaġġ kontra l-vjolenza domestika.