Hekk iddikjara mal-pulizija Lorin Scicluna, wieħed mill-akkużati fil-qtil tal-immigrant Lassana Cisse Souleymane ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju.
It-Tlieta filgħodu quddiem l-Maġistrat Ian Farrugia kompliet il-kumpilazzjoni taż-żewġ suldati, Francesco Fenech ta’ 21 sena u Lorin Scicluna ta’ 22 sena, mixlija b’dan l-omiċidju f’April li għaddha f’Birzebbugia.
Xehed l-ispettur anzjan Trevor Micallef li qal li f’Mejju li għaddha l-ispettur Keith Arnaud, daħħlu f’dan il-każ wara li l-pulizija kienet waslet għal Scicluna bħala wieħed mis-suspettati.
Irrakonta kif meta ġie arrestat Lorin Scicluna, kien qal li sellef il-karozza tiegħu lil wieħed Sirjan.
Iżda l-pulizija bdiet tinduna li dan ma bediex jgħid il-verità minħabba l-mod ta’ kif beda jaġixxi.
L-ispettur Micallef irrakonta kif Scicluna kien imbeżża’, beda jibki, u l-ħin kollu jmiss xagħaru. Meta l-pulizija u l-avukat tiegħu waqt l-interogazzjoni Jason Azzopardi bdew jgħidulu biex jgħid il-verità, Lorin Scicluna beda jgħid jien ma qtilt lil ħadd. Dikjarazzjoni li rrepetiha iktar minn darba.
Waqt ix-xhieda tal-ispettur Micallef, fl-awla Lorin Scicluna deher viżibilment emozzjonat u il-ħin kollu jbaxxi rasu. Filwaqt li Francesco Fenech daher kalm u rillassat.
L-ispettur kompla jirrakonta li kien il-Ġimgħa f’nofs illejl, li Lorin kien iddeċieda li se jgħid il-verità u semma lil sieħbu Francesco Fenech, li kien hu li spara fuq l-immigrant. B’Fenech hedded lil Scicluna li jispara fuqu jekk jiftaħ ħalqu.
It-Tlieta l-ispettur Keith Arnaud ressaq aktar xhieda f’dan il-każ.
Xehed immigrant bl-isem ta’ Mohmaddum li ilu 12-il sena jgħix Malta f’Birżebbugia u miegħu kien joqgħod il-vittma.
Meta beda jwieġed għall-mistoqsijiet tal-ispettur Arnaud, l-immigrant beda jgħid – “X’kienet l-problema? Fejn hu Lassana issa?”
Huwa beda jistaqsi u qal li ma jistax jifhem għalxiex sieħbu ġralu hekk.
Xehed ukoll Roderick Pace mill-kumpanija Schembri & sons li magħhom il-vittma kien ilu jaħdem erba’ snin . Qal li qatt kellu problemi ma Lassana u qatt ma kien involut f’xi argumenti.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-kaz qiegħed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud.
Aqra wkoll:
http://www.one.com.mt/2019/10/29/tkompliet-il-kumpilazzjoni-ta-francesco-fenech-u-lorin-scicluna-mixlija-bil-qtil-ta-lassana-cisse-souleymane/