Karikatura dwar id-diżgrazzja li seħħet it-Tnejn li għadda fiż-Żurrieq qajmet kontroversja kbira fuq il-midja soċjali.
Il-karikatura, iffirmata minn Burlò, pinġiet liż-żewġ vittmi fuq id-double decker f’sitwazzjoni li ħasdet lil bosta li fissruha bħala nuqqas ta’ rispett lejn il-vittmi u qrabathom.
Il-karikatur, u lekċerer Ġorġ Mallia sostna ma’ One News li jiddefendi kull ħaġa li hija marbuta mal-libertà tal-espressjoni.
“Jien ngħid li niddefendi kull ħaġa li hi marbuta mal-freedom of expression.. id-dritt tal-kelma ħielsa hija sagra.. niddefendiha.. u niddefendi lill-cartoonist li għandu dritt jagħti l-opinjoni tiegħu dwar xi ħaġa li qed tiġri madwarna.”
Madanakollu, Dr Mallia qal li l-karikatura kienet waħda b’saħħitha ferm, u li jidher biċ-ċar li l-intenzjoni warajha kienet li tinħoloq provokazzjoni. Mistoqsi jekk hu, bħala karikatur, kienx ipenġi xi ħaġa simili, is-Sur Mallia wieġeb li minħabba numru ta’ raġunijiet, hu ma kienx jagħmel l-istess.
“Ejja ngħiduha kif inhi, jien ma kontx inpenġi cartoon hekk.. it-traġedja kienet għadha friska, it-traġedja kienet waħda qawwija.. jien ma kontx nagħmlu, iżda nifhem għaliex dak li jkun jaqbad xi ħaġa li tkun għadha kif ġrat, biex appuntu joħloq provokazzjoni.. ftakar li l-cartoon waħda mill-għanijiet ewlieni tiegħu hu li joħloq diskussjoni.”
Dr Mallia żied jgħid li s-sitwazzjoni fuq il-midja soċjali kienet waħda ironika, fejn għexieren ta’ persuni li ħaduha kontra Burlò, saħansitra spiċċaw huma stess jagħmlu użu minn lingwaġġ ta’ mibegħda biex jagħmlu l-punt tagħhom.
Min-naħa tiegħu l-opinonist Jeremy Camilleri kkundanna din it-tip ta’ tpinġija.
“Jien għalija din hi xi ħaġa deplorabbli, stampa li ma tagħmilx ġieħ lil min penġiha.. madanakollu, billi tikkritika, mhijiex ċensura, għax spiċċajna f’sitwazzjoni jew nejja jew maħruqa.. ma nistax nifhem kif hawn min qed jeħodha bi kbira, li min għamel din it-tip ta’ tpinġija, qed jiġi kkritikat b’mod aħrax.”
B’reazzjoni l-karikaturist kiteb fuq Facebook li l-għan tiegħu kien biss li joħloq provokazzjoni, u appella biex in-nies jirrabbjaw ma’ Transport Malta li skont hu kienet taħti għall-inċident u mhux miegħu.