Il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ ta l-ħin lill-ġurnalisti jirrepetu l-istess mistoqsijiet tal-aħħar ġimgħat. Bid-differenza li kien qed jagħmel dan l-għada li ġie minn summit kontra l-korruzzjoni f’Londra.
Staqsewh jekk jaqbilx ma’ min qal li jkun fil-ħażin min ma jieħux azzjonijiet dwar Panama Papers u t-tweġiba tiegħu kienet ċara: “Jien naqbel. Għalhekk jien ħadt deċiżjonijiet serji li gvernijiet ta’ qabel ma’ ħaduhomx. Saħansitra neħħejt portfolio ta’ ministru u rriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.”
Mistoqsi x’sar mill-aqwditjar li kienu talbu ċ-chief of staff tiegħu u l-Ministru Konrad Mizzi, Joseph Muscat reġa’ tenna l-wiegħda li dawn ikunu ppubblikati. Il-Prim ministru nnota kif l-aħħar żviluppi kixfu l-ipokrezija tal-Kap tal-Oppożizzjoni: “Il-punt hu li jekk xi ħadd li għandu kumpanija hija ħażina, allura min jgħin fil-ftuħ tagħha huwa ħażin ukoll.” Fisser kif hu kien konsistenti, iżda Simon Busuttil le u llum qed jitkellem dwar il-legalita. Muscat staqsa wkoll jekk hemmx nies f’Panama Papers li taw donazzjonijiet lill-PN.
Mistoqsi dwar dikjarazzjoni tal-Ministru Evarist Bartolo li Maltin m’għandhomx jiftħu kontijiet f’postijiet bħal Panama, il-Prim Ministru qal li hu m’għandux problema b’dan iżda sostna li qed janalizza dan x’impatt jista’ jkollu fuq is-settur finanzjarju Malti.