Minn tfajla ta’ sbatax-il sena, Janice Azzopardi kienet taħdem fis-settur tal-propjetà iżda minkejja li xtaqet toffri xi ħaġa aktar stqarret li qatt ma ħasset li setgħet tirnexxi fid-dinja tan-negozju għaliex fi snin preċedenti sakemm ma tkunx bint negozjant, ma kienx ikollok ċans li tirnexxi.
Illum Janice tħaddem disà impjegati magħha.
Din kienet it-testimonjanza ta’ negozjanta li bdiet in-negozju tagħha taħt Gvern laburista fil-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista. Janice hija omm ta’ tliet itfal u separata u stqarret li ta’ 37 sena kellha tfittex l-għajnuna tal-ġenituri tagħha u dan ma kienx faċli għaliha. Iżda meta Joseph Muscat ħa t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż f’idejh Janice rnexxiela toħroġ minn sitwazzjoni ta’ faqar u llum tħaddem aktar impjegati magħha. Iżda t-triq tagħha ma kinitx faċli.
“Bejn l-2009 u l-2013, min jaf kemm kelli għażla li jew nixtri l-petrol biex inkun nista’ nsuq jew ħobża u ilma. Uliedi ma kelliex biex nixtrilhom għall-iskola. Is-suq kien staġna iżda fl-2013 bħal donnu sar miraklu.”
Fil-fatt, fl-2015 Janice rnexxielha tibda n-negozju tagħha f’uffiċju żgħir u llum fl-2017 diġà qed tħaddem disà impjegati u mhux biss. Janice qed tħaddem ħaddiema nisa u li minkejja li ma kellhomx ċertifikati llum qed tgħinhom biex jimirħu fis-settur tal-proprjetà u qed tgħin negozjanti żgħar biex ikabbru n-negozju tagħhom.
Spjegat ukoll li bħala negozjanta fis-settur tal-propjetà dan il-Gvern ta għajnuna indirettament lil dawk il-persuni li jgħixu fin-Nofsinhar ta’ Malta, għaliex il-propjetà tagħhom mhux qed titlef il-valur dan minħabba r-riġenerazzjoni li saret filwaqt li llum din il-propjetà qed tintalab minn persuni li jkunu qed ifittxu propjetà. Ta’ dan u għal dak kollu li Gvern Laburista għamel magħha indirettament, Janice hija grata.
“Jien ħadd kollox mingħajr ma tlabt xejn”
Hekk temmet id-diskors tagħha din l-omm li qabel it-tmexxija ta’ Joseph Muscat u Gvern Laburista kienet fi stat ta’ faqar u minkejja li xtaqet li tkun tista’ toħroġ minn dik ir-realtà diffiċli ma sabet ebda għajnuna, ispirazzjoni u ekonomija b’saħħitha biex tkun tista’ tagħmel dan.