Kien l-aħħar bniedem b’kuntatt dirett mal-forzi Ingliżi li ħallew pajjiżna erbgħin sena ilu.
Dan huwa Alfred Calleja magħruf bħala l-pilot.
Tassew kien il-pilota li flimkien ma’ kollega ieħor ħarġu lil HMS London fl-ewwel t’April, l-għada taċ-ċerimonja tal-Ħelsien.
Dakinhar l-inħawi kollha tal-Port il-Kbir kienu miżgħud bin-nies li marru jaraw l-aħħar bastiment navali Ingliż iħalli pajjiżna.
Alfred spjegalna kif kienet bdiet il-ġurnata:
“Filgħodu mort għax-xogħol u nzertajt jiena biex noħroġ il-London. Niftakar kont qed nagħmel xogħol Marsaxlokk. Ħriġt bastiment tfajnih ‘il barra tan-Neurasia. U ċempilli sieħbi Pawlu qalli Fred qalli fejn qiegħed inti, għedtlu jiena ġej. Kienu xit-tmienja ta’ filgħodu Qalli għax fid-disgħa għandna l-London.”
Jisħaq li ħassu onorat joħroġ il-bastiment mill-Port hekk kif Malta issa kienet ħielsa mill-involviment tal-militar barrani.
“Aħna ħassejniha naqra, għidna, jien u sieħbi għidna daqxejn ixxurtjati għax se noħorġuha aħna din, l-aħħar waħda. Insomma u bdejna għaddejin b’dawn l-affarijiet.”
B’passjoni liema bħala spjegalna l-aħħar ftit mumenti fuq il-bastiment, bil-baħrin Ingliżi kollha sellmulu għax lil Malta baqgħu jħobbuha.
“Meta konna neżlin kulħadd ħareġ idu, hekk, il-baħrin kollha. Kulħadd iżommilna idejna, joħdilna idejna u bqajna neżlin.”
Intant wara li reġgħu lura fil-Port, Alfred u sħabu marru d-dwana ta’ Malta fejn kien hemm il-Prim Ministru, il-Perit Dom Mintoff.
Hawnhekk b’ton umoristiku Mintoff għadda messaġġ lil Alfred li baqa’ jiftakru sal-lum.
“Għedtlu lesti aħna Perit. Qalli dażgur li lesti, qalli jien domt seba’ snin u intom f’siegħa tfajtuhom ‘il barra. U kulħadd jidħaq. Beda jiċċajta, kien ferħan se jtir u beda jiċċajta. In-nies jidħqu u jarawh hekk u dan.”