Kien għad kellu biss għaxar snin meta b’kumbinazzjoni ġibdulu l-attenzjoni li għandu talent.
Hu kien jaħseb li kien iwerżaq u jistona, imma llum il-ġurnata jpaxxi l-eluf b’leħen b’saħħtu.
Charles Buttigieg, ta’ wieħed u għoxrin sena, qasam ma’ ONE News il-ġurnata li ħajtu nqelbet ta’ taħt fuq fiċ-ċentru parrokkjali t’Għajnsielem.
Huwa qalilna: “L-Arċipriet ried jorganizza attività tal-Milied u b’hekk jien speċi ta’ tħajjart u jumejn qabel kumbinazzjoni kont qiegħed fuq it-televixin jiġifieri dan hekk kont bdejt, kont rajt it-three tenors lil Pavarotti, lil Carreras u Placido Domingo u l-vuċi tagħhom baqgħet għaddejja f’widnejja ngħidilhom jien u f’ħin minnhom bdejna nilagħbu u jien bdejt inwerżaq għal dak iż-żmien u b’hekk l-Arċipriet induna li għandi vuċi u tagħni kuraġġ biex niltaqa’ ma’ aktar nies.”
Il-Baritonu Għawdxi li ħafna drabi jkun barra minn xtutna fost oħrajn fl-Amerka jitħarreġ u jaħdem, esprima d-dieqa tiegħu li preżentament il-palk reġa’ sar donnu ħolma.
Huwa sostna: “Qed nistenna biex il-COVID terġa’ tgħaddi, nisperaw u nkompli fuq ix-xogħol tiegħi barra minn Malta nerġa’ nitla’ on stage għax hemmhekk naħseb huwa posti.”
Buttiegieg stqarr li x-xewqa tiegħu kif ikun artist stabbilit hija li jagħti daqqa t’id: “Qed naspira li nkun mhux persuna li jkollok il-vuċi u tati xi ħaġa sabiħa għal Malta u kif ukoll għal Għawdex imma li tgħin lil ħaddieħor iġifieri nixtieq niftaħ pjanijiet sbieħ għall-futur jekk il-karriera tiegħi tkompli tiżviluppa ‘l quddiem, għandi ħafna proġetti li nixtieq nagħmel għal Malta.”
Intant Buttigieg ma ħalliniex b’xejn għaliex qabel il-crew ta’ ONE News telaq minn Santa Venera, sellmilhom bid-diska favorita ta’ bosta.