Jiem qabel inqatlet martu, Bernice, żewġha, Roderick Cassar qal lit-tifel iż-żgħir tiegħu li kien se jispiċċa l-ħabs.
Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Roderick Cassar li jinsab mixli bil-qtil ta’ martu, f’Novembru li għadda.
Waqt din is-seduta xehdet oħt il-vittma, Alessia Cilia Portelli, li qalet li l-vjolenza fuq oħtha ma bdietx ftit qabel l-omiċidju, iżda minn snin qabel.
Irrakkontat li darba minnhom, meta l-koppja kienet tgħix flimkien, Roderick Cassar beda jsabbat pistola fuq il-mejda u jheddidha li xi darba kien se joqtolha biha.
Oħt il-vittma spjegat il-biża’ li kienet tgħix fih oħtha, fosthom li meta toħroġ mid-dar kienet tħares biex tkun ċerta li t-triq hija sikura.
Oħt Bernice irrakkontat numru ta’ drabi meta l-koppja kienu jiġġieldu, tant li kien hemm drabi fejn hija ssakkret fil-kamra tat-tfal għax kienet tibża’ minnu.
Qalet ukoll li ħafna drabi l-akkużat kien juża lil uliedhom biex jimmanipula lill-vittma ħalli tħossha ħażin li telqitu.
Intqal li darba minnhom anki kien hedded lill-vittma li ħa jpattuha l-qraba u l-ħbieb tagħha.