Simon Busuttil għadu kemm għamel diskors sħiħ fil-Mosta, jiem biss qabel l-elezzjoni ġenerali, u ma semmiex proposta waħda li l-Partit immexxi minnu u minn Marlene Farrugia lesti jaħdmu għalihom jekk ikunu fil-Gvern.
Kollox beda b’tgħanniqa mill-kuntrattur Zaren Vassallo. Il-preżentatur introduċih b’ “merħba lill-futur Prim Ministru ta’ Malta” . Minn hemm, tela’ fuq il-palk u nfexx jgħajjat waħda f’waħda dwar korruzzjoni.
L-istess diska li ilna nisimgħu xahar wara xahar, din id-darba b’mod aktar ferventi. Saħansitra qal “M’għandix dubju li mhux se jirbaħ Joseph Muscat is-Sibt”. Lill-kummissarju tal-Pulizija qallu “neħħi l-uniformi minn fuqek!”
Jekk dan mhux biżżejjed, qal li Alla jinsab man-Nazzjonalisti.
Il-kandidati li tkellmu qabel Busuttil spikkaw għar-raġunijiet il-ħżiena. Maria Deguara qalet li l-għażla hi jekk aħniex Maltin jew le. Bħal dak li qallu vot Labour huwa vot għax mintix Malti. Charles Polidano qal “jien nagħżel Malta għax raġel”. Connie Scerri qalet lin-nies jiflu sew il-proposti tal-PN, għalkemm proposti llejla ma ssemmewx.
Graziella Galea kkritikat lill-Gvern Laburista li abbanduna l-lokal tagħha, meta ftit minuti bogħod kulħadd jista’ jara kif għaddej xogħol kbir mal-kosta ta’ San Pawl, Buġibba u l-Qawra. Xogħol li taħt Gvern Nazzjonalista qatt ma sar.
Edwin Vassallo qal dawn il-preċiżi kelimiet: “Tħallunix nistenna tliet snin oħra biex nidħol il-Parlament”.