Missier li kien qed iżur lil ibnu l-ħabs spiċċa f’ċella wara li kien involut f’argument fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma’ gwardjan tal-ħabs il-Ħadd filgħodu.
John Bartolo ta’ 68 sena mill-Mosta kien qed iżur lit-tifel sabiex iwassallu xi ħaġa x’jiekol, li bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ ħabs, meta spiċċa jargumenta ma’ gwardjani ta’ ħabs hekk kif ibnu ma informax lill-awtoritajiet ta’ Kordin li missieru kien se jżuru.
Fi ftit ħin l-argument eskala tant li erba’ membri mit-tim tal-gwardjani tal-ħabs kellhom jintervjenu, bil-missier jispiċċa arrestat.
Hu tressaq il-Qorti akkużat li rreżista l-arrest, li darab wieħed mill-uffiċjali tal-ħabs, li lissen kliem dispreġġjattiv, li kiser il-paċi pubblika u li rrifjuta li jobdi l-ordni tal-Pulizija.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima semgħet kif dan kien każ ġenwin bl-avukat tal-akkużat, David Gatt, isostni li l-missier kien hemm biex jieħu l-ikel lil ibnu u mhux għal affarijiet oħrajn.
Il-Prosekuzzjoni qalet li ma għandha ebda oġġezzjoni sakemm il-missier ma jerġax iżur lil ibnu.
Il-Maġistrat laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500, garanzija personali ta’ €2,000 u ordnat jiffirma fl-eqreb Għassa darba fil-ġimgħa. Il-Qorti ordnatlu wkoll biex ma jerġax jersaq il-faċilità korrettiva ta’ kordin.