Daqs erba’ sekli u nofs ilu nbena dak li kien l-aqwa sptar fil-Mediterran immexxi minn dawk imlaqqma bħala l-prinċpijiet tal-Ewropa u llum jilqa’ fih konferenzi u avvenimenti oħra.
F’dan l-aħħar żmien minħabba l-imxija, Dar il-Mediterran ingħalaq iżda ttieħdet opportunità biex din il-binja tingħata dawra tajba.
Fi żjara mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli kien spjegat li fost id-diversi xogħlijiet ta’ manutenzjoni importanti kien hemm dawk fuq l-aperturi, xogħol strutturali, sistema li tieħu ħsieb l-ilma tax-xita u manutenzjoni fuq il-bjut.
Sar ukoll xogħol fuq travi tal-injam u x-xorok f’uħud mill-uffiċini u nbidlu wkoll numru konsiderevoli ta’ gradi tal-ħadid li jikkontrollaw l-aċċess minn żona għal oħra.
Fis-sala Repubblika saret manutenzjoni estensiva u ġiet miżbugħa mill-ġdid id-dawra tal-palk u ġiet mibdula wkoll il-medda ewlenija tad-drenaġġ li tgħaddi minn taħt il-palk prinċipali.
Il-Kap Ezekuttiv ta’ Dar il-Mediterran Pierre Fenech saħaq li dan kien żmien opportun biex wieħed jinvesti sabiex mal-ftuħ mill-ġdid il-prodott offrut ikun wieħed ta’ kwalità.
Qal li minkejja l-isfidi xorta baqgħu ġejjin it-talbiet minn barra minn Malta sabiex jtellgħu konferenzi fiż-żmien li ġej.
Huwa qal: “Għandna konferenzi li kellna dis-sena li ovvjament ġew posposti għal ftit tax-xhur oħra jew is-sena d-dieħla però aħna għandna ottimiżmu kbir li s-sitwazzjoni se tiġi lura għan-normal.”
Il-Ministru Farrugia Portelli rrimarkat b’sodisfazzjon li dan it-titjib fil-binja se jwassal f’esperjenza aħjar għal dawk li se jerġgħu jibdew iżuru pajjiżna.
L-Onor. Farrugia Portelli sostniet: “Il-ħaddiema kolha middew idejhom biex aħna nkunu nistgħu għaddejin b’dik il-ħidma li normalment ma tkunx possibbli minħabba back-to-back bookings li kien hemm u deħlin issa għal fażi eċċitanti ħafna. Hemm il-miżuri li tħabbru mill-PM, fi ftit jiem oħra ħa nkunu nistgħu niftħu fażi oħra f’din il-binja fejn se jkun hemm attrazzjonijiet ġodda għall-familji Maltin u Għawdxin.”