L-Awtoritá Maltija għas-Servizzi finanzjarji ħatret lill-KPMG Malta biex tieħu f’idejha l-assi ta’ Falcon Funds Sicav, il-fond li tiegħu Tonio Fenech huwa direttur u li spiċċa f’nofs kontroversja u investigazzjoni kriminali fl-Iżvezja.
Fi stqarrija l-MFSA qalet li ilha tinvestiga dan il-fond minn Diċembru 2015 u f’Settembru li għaddha diġa’ ħarġet żewġ direttivi.
Issa, bis-saħħa li tatiha l-liġi l-MFSA qalet li l-KPMG trid tieħu f’idejha l-fond bil-għan li tissalvagwardja l-interess l-investituri u biex tassumi l-kontroll tan-negozju marbut mal-iskema. Intqal li l-KPMG jridu jirrapportaw perjodikament lill-MFSA u persuni relevanti oħra. Intqal ukoll li l-MFSA setgħet tagħti direzzjonijiet oħra.
L-MFSA għamlitha ċara li din il-miżura qed tittieħed wara investigazzjoni twila u li se tibqa’ fis-seħħ sakemm l-MFSA ma tindikax mod ieħor. Id-deputat Nazzjonalista u eks Ministru tal-Finanzi, Tonio Fenech, huwa wieħed mid-diretturi ta’ dan il-fond li kien investigat ukoll mill-aġenzija għall-pensjonijiet fl-Iżvezja.
Bid-deċiżjoni tal-MFSA it-tliet diretturi tal-fond tneħħitilhom is-saħħa kollha li issa għadidiet għand l-Awdituri maħtura mill-MFA. Dan il-fond ilaħħaq iktar minn mitejn miljun ewro u fih it-tfaddil mill-pensjonijiet ta’ ħafna anzjani. Tfadddil li huwa allegat li għadde ġol-fond b’mod frodolenti.
Tonio Fenech dejjem iddefenda l-pożizzjoni tiegħu u meta l-każ kien tqajjem fl-Iżvezja kien qal li l-awtoritajiet Svediżi għandhom aġenda kontra Malta.L-ewwel tħassib hu kif Konsumentkraft, ċentru f’Alicante, Spanja, ħeġġeġ lill-klijenti Svediżi biex jgħaddu t-tfaddil tagħhom minn fond privat għal Falcond Funds li tagħha Fenech huwa direttur.
Minn Konsumentkraft, persuni mhux ta’ esperjenza kienu mħeġġa jgħaddu l-flus minn fond għal-ieħor permezz ta’ tattiċi li qed ikunu deskritti bħala frodolenti.