Fil-prezenża tal-Prim Imħallef Mark Chetcuti, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras u l-Avukati Henri Mizzi u Mark Simiana inħatru Imħallfin mill-President ta’ Malta George Vella.
Dan sar waqt ċerimonja l-Erbgħa filgħaxija fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.
L-għażla saret wara espressjonijiet ta’ interess għal dawn it-tliet karigi, minn sbatax-il applikant differenti quddiem il-Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji.
Kumitat Kostituzzjonali li jiskrutinizza applikazzjonijiet għal dawn il-karigi importanti sabiex fl-aħħar jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet finali lill-President ta’ Malta.
Hekk kif ħadu l-ġurament tagħhom, l-Imħallfin il-ġodda indirizzaw lil dawk preżenti b’messaġġ qasir kull wieħed.
L-Imħallef Mizzi sostna li quddiem l-impenn u r-rieda mill-awtoritajiet li s-settur ġudizzjarju jittejjeb, hu ħass ukoll il-bżonn li jagħti l-kontribut tiegħu.
“Fil-verità jiena kont naħseb li s-settur tal-ġustizzja qatt ma ngħata r-riżorsi li għandu bżonn u allura ma kienx il-lok il-nagħti il-kontibut tiegħi pero aktar ma mmaturajt irrealiżajt illi jekk hemm ir-rieda li l-affarijiet jimxu jien ukoll irrid nagħti l-kontribut tiegħi.”
Min-naħa tagħha, l-Imħallef Galea Sciberras rrimarkat li quddiem din il-kariga ġdida mill-aktar importanti se twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha biex issir ġustizzja ma’ kulħadd.
“Inwiegħed li bħal ma dejjem sal-lum inkompli nwettaq id-doveri tiegħi b’serjeta, bżulija, kuraġġ u responsabilita kbira sabiex dejjem issir ġustizzja skont il-liġi b’kuxjenza safja, b’kunxjenza sħiħa b’mod effiċjenti.”
Intant, fl-indirizz tiegħu l-Imħallef Simiana wkoll impenja ruħu li jaqdi d-doveri tiegħu bħala Imħallef b’diliġenza bħalma dejjem għamel tul il-karriera tiegħu ta’ Avukat.
“Nimpenja ruħi quddiemkom illum illi naqdi d-doveri tiegħi ta’ mħallef b’diliġenza li dejjem qdejt id-doveri tiegħi ta’ avukat u bil-ħila kollha tiegħi npoġġi dawk id-doveri l-ewwel u qabel kollox.”
Din iż-żieda fil-korp tal-ġudikatura hija parti minn proċess intiż li jkompli jżid l-effiċjenza fil-Qrati filwaqt li dan isir b’konformità mal-impenn fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li llum huwa l-pjan ta’ ħidma tal-Gvern, u b’diskussjoni mal-Prim Imħallef.
Din iż-żieda ser tkompli ssaħħaħ il-korp tal-ġudikatura li diġà huwa l-akbar wieħed fl-istorja tal-Qrati tagħna. Dan ser iwassal ukoll għal żieda fl-ammont ta’ ġudikanti meta pparagunat mal-popolazzjoni kif kalkolat fl-evalwazzjonijiet internazzjonali tas-sistemi ġudizzjarji.