Fil-Palazz Presidenzjali l-Belt, ħadu l-ġurament tal-ħatra l-Imħallfin ġodda Doreen Clarke u Josette Demicoli.
Fid-diskors tagħha l-Imħallef Doreen Clarke qalet kif tinsab onorata li ngħatat din il-kariga, kariga li ġġib magħha responsabbilitajiet kbar. Spjegat kif il-ġudikatura jokkupaw irwol ċentrali fis-sistema ġudizzjarja u għalekk l-irwol iġorr miegħu sens ta’ onestà u responsabbiltà. Hi rringrazzjat lill-ġenituri tagħha li għamluha l-persuna li hi llum u li mingħajrhom din il-kisba ma kinitx tkun possibbli.
Josette Demicoli qalet kif tinsab onorata ferm li ġiet fdata f’din il-kariga li tqisha bħala waħda ta’ servizz lejn min ikun quddiemha – liema kariga spjegat li ġġib magħha sagrifiċċji iżda anke sodisfazzjon. Spjegat kif se sservi b’lealtà kif ħadmet tul il-karriera tagħha fejn irringrazzjat lill-ġenituri tagħha, lill-familja u dawk kollha li emmnu fiha.
Il-Prim Ministru Robert Abela feraħ liż-żewġ Imħallfin ġodda fejn spjega kif il-ħbiberija tagħhom hi mgħaqqda bi tħaddin tal-istess valuri.
Spjega kif bħalissa hemm sejħa miftuħa għal erba’ Maġistrati li tirrifletti l-ħtieġa fejn l-istat kompla jalloka r-riżorsi meħtieġa. Sostna li r-realtà tibqa’ waħda, dik li l-effiċjenza titjieb.
Hu tenna l-importanza dwar kif filwaqt li s-sistema ta’ kif jinħatru l-ġudikanti hi waħda pożittiva, ma jixtieqx jara sistema li tipprogressa għal waħda ta’ ‘closed-shop’ fejn biex wieħed isir Imħallef irid ikun Maġistrat. Spjega kif hemm bosta kandidati li għandhom il-kapaċitajiet kollha neċessarji biex jinħatru Imħallfin mill-ewwel, iżda ma jersqux ‘il quddiem u għalekk jemmen li l-proċess m’għandux ikun wieħed ta’ ‘closed-shop.’
Fid-diskors tiegħu l-President ta’ Malta, George Vella, qal kif tul dawn l-aħħar xhur smajna u tkellimna ħafna fuq il-ħtieġa ta’ aktar riżorsi fil-Qrati tagħna, u fuq kemm fadal x’isir biex jiġu evitati d-dewmien u l-proċeduri twal fl-implimentazzjoni tal-ġustizzja. Spjega kif jemmen li permezz ta’ dawn il-ħatriet qed isir pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba.
Il-President qal li l-poplu Malti ser ikun qed iserraħ fuq l-għaqal u d-dehen tal-imħallfin ġodda biex tkompli titħares il-Kostituzzjoni, il-liġijiet, kif ukoll l-interessi ta’ kull persuna.
Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ħatra kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, l-Avukat tal-Istat Chris Soler, u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti.