It-Tnejn filgħodu saret iċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra ta’ erba’ membri fil-Kabinett il-ġdid tal-Prim Ministru Robert Abela.
Dan fid-dawl tal-ħatriet il-ġodda, li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela nhar is-Sibt, fejn Chris Bonett ġie elevat għall-kariga ta’ Ministru, filwaqt li Omar Farrugia, Malcolm Paul Agius Galea u Glenn Bedingfield ġew introdotti fil-Kabinett bħala Segretarji Parlamentari.
Iċ-ċerimonja, li saret għall-ħabta tal-10:15 ta’ filgħodu, kienet ippreseduta mill-President tar-Repubblika, Dr George Vella, bil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela u l-Avukat tal-Istat, Dr Chris Soler.
L-ewwel li ngħata l-ġurament kien Dr Bonett. F’kumment wara ċ-ċerimonja, hu spjega x-xogħol li se jimbarka fuqu fir-rwol il-ġdid tiegħu bħala Minstru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi.
“It-trasport hu ta’ kulħadd, it-trasport nużawh kuljum, nużawh kollha kemm aħna u kollha kemm aħna għandna x’nikkontribwixxu fih. Jiena, bħalma jaf min ħadem miegħi, jien inħobb nisma’ u nħobb nisma’ lil kulħadd u hekk se nkun qed nagħmel anke lin-nies fit-triq. Irrid nisma’ lin-nies x’inhuma l-issues ħalli naraw kif dan il-Gvern, kif dejjem għamel, ikun viċin in-nies, f’dan is-settur ikun viċin ukoll.”
Wara Dr Bonett, kien imiss lil Glenn Bedingfield, li issa għandu rwol ġdid ta’ Segretarju Parlamentari taħt il-Ministeru għat-Turiżmu, fejn se jkun responsabbli mill-indafa pubblika.
“L-ewwel appuntament tiegħi se jkun mal-ħaddiema ta’ dan id-dipartiment li jagħmlu xogħol kbir u li se nkomplu nagħmlu xogħol kbira, għax l-indafa pubblika hi importanti. Però l-ħaddiema ma jistgħu jagħmlu xejn. Irid ikun hemm sforz kollettiv jekk jista’ jkun tal-poplu kollu biex pajjiżna nieħdu ħsiebu.”
It-Tabib Malcolm Paul Agius Galea wkoll ħa l-ġurament bħala Segretarju Parlamentari, fil-każ tiegħu għall-Anzjanità Attiva taħt il-Ministeru għas-Saħħa, li issa se jkun immexxi minn Jo Etienne Abela. Ma’ ONE News tenna l-ħsibijiet tiegħu dwar il-qasam.
“Naħseb parti minnha hi li nieħdu ħsieb l-aspett mentali tal-poplu anzjan tagħna hi importanti ħafna, imma fl-istess waqt anke l-produttività tagħhom. Ma jfissirx inti li llum anzjan u allura bħala soċjetà rridu nwarrbuk.”
Omar Farrugia ngħata l-ġurament bħala s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi taħt il-Ministru l-ġdid Chris Bonett. Dan b’hekk għamel lil Farrugia l-iżgħar membru tal-Kabinett fl-età ta’ 28 sena.
“Il-portafoll li ngħatajt, jirrikjedi ħafna xogħol, ħafna ħidma u se nara li mill-ewwel ġurnata nibdew nindirizzaw dawk il-problemi, dawk il-ħtiġijiet, il-bżonnijiet tal-kunsilli lokali u taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”
Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ukoll mal-ġurnalisti li d-Deputata Naomi Cachia issa se tkun qed tieħu r-rwol ta’ Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista.
“Nemmen ħafna fil-ħiliet taż-żgħażagħ u hu proprju għalhekk ukoll li fil-Grupp Parlamentari ta’ din il-ġimgħa biħsiebni nressaq ’il quddiem għall-approvazzjoni tal-Grupp Parlamentari isem Dr Naomi Cachia bħala l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista. Nemmen ħafna fit-talent taż-żgħażagħ u fil-perspettiva li għandhom tal-ħajja u ta’ kif iridu jaraw dan il-pajjiż miexi ’il quddiem.”