Fil-Palazz ta’ Sant’Anton, erba’ persuni ħadu l-ġurament ta’ Imħallfin mogħti mill-President ta’ Malta Dr George Vella.
Fil-preżenza tal-Prim Ministru Dr Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Dr Edward Zammit Lewis, il-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti u l-Avukat tal-Istat Dr Christopher Soler, l-erba’ Imħallfin ġodda ħadu l-ġurament biex iservu f’pożizzjoni għolja fil-bank tal-ġudikatura.
Tnejn mill-Imħallfin il-ġodda kienu Maġistrat, jiġifieri Dr Neville Camilleri u Dr Audrey Demicoli.
Iż-żewġ persuni l-oħra li nħatru ġudikanti wara sejħa pubblika huma Dr Christian Falzon Scerri u Dr Ian Spiteri Bailey.
Waħda mir-riformi Kostituzzjonali ewlenin li twettqu fl-aħħar sena kienet tinkludi r-riforma fil-metodu tal-ħatra ta’ Imħallfin u Maġistrati ġodda.
Fil-fatt għall-ewwel darba fl-istorja, il-proċess ta’ ħatra ta’ ġudikanti ġodda kien wieħed indipendenti mill-Gvern u tmexxa b’mod trasparenti mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, presedut mill-Prim Imħallef.
Dan il-Kumitat skrutinja l-applikanti u ssuġġerixxa lista tal-aktar kandidati idonji lill-President ta’ Malta u dan għażel min minnhom għandu jinħatar bħala Imħallef.
Dawn l-Imħallfin il-ġodda ħadu l-ġurament tal-ħatra propju fl-istess ġimgħa meta l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li Malta ma kisritx il-liġi fil-ħatriet tal-ġudikanti.
Minkejja li l-Prim Ministru reħa l-poter minn idu u s-sistema m’għadiex kif kienet qabel, anki taħt amministrazzjonijiet preċedenti, fejn il-Prim Ministru kien jaqbad u jagħżel hu lil min jaħtar ġudikant, il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja rrimarkat li l-Prim Ministru jista’ jkollu l-poter li jaħtar ġudikant.
Dan minkejja li f’Malta mhux il-każ, riżultat tar-riformi li wettaq il-Gvern.