It-Tlieta filgħodu fil-Port Ħieles jsalpa l-akbar vapur tal-merkanzija li jaħdem bl-LNG (liquefied Natual Gas) jiġifieri juża enerġija nadifa u li għalhekk jonqos it-tniġġis fl-arja. Il-vapur tal-kumpanija Franċiża CMA CGM, il-Jacques Saade, għamel l-ewwel preżenza tiegħu fl-Ewropew, fil-port ta’ Marsaxlokk.
Il-vapur li għandu kapaċità li jgħabbi 21,000 kontejner ġie varat fit-22 ta’ Settembru li għadda f’Shanghai. Il-vapur beda r-rotta tiegħu mill-port ta’ Singapore mgħobbi b’numru rekord ta’ containers (20,723) u qasam l-Oċean Indjan, għadda mill-Kanal ta’ Suez biex beda r-rotta tiegħu fil-Mediterran. Kif jitlaq minn Malta jibda jbaħħar lejn in-naħa ta’ fuq tal-Ewropa.
Jacques Saade huwa parti minn flotta ta’ disa’ vapuri li lkoll huma mgħammra bis-sistema tal-LNG u li huma l-akbar vapuri tal-merkanzija. Il-kumpanija CMA CGM hija determinata li tippromwovi użu ta’ enerġija aktar nadifa fis-settur tat-tbaħħir.
Preżenti għal wasla ta’ dan il-vapur kien hemm il-Ministru għat-Trasport Ian Borg, il-Ministru Julia Farrugia Portelli li hija responsabbli mill-Port Ħieles u l-Ambaxxatriċi Franċiża għall-Malta Brigitte Curmi.