Hadi Osman, mill-Mali, tressaq il-Qorti akkużat li l-Ġimgħa filgħodu fil-Fgura kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi lil kuntistabbli stazzjonat fir-Rapid Intervention Unit li spiċċa bi spalltu żlugata.
Allegatament ir-raġel beda jhedded nies fi Triq Hompesch u saħansittra ħebb għalihom. Kien hawnhekk li l-Pulizija intervjeniet u saħansittra kellha tuża t-taser gun.
Osman ġie akkużat wkoll li rreżista bi vjolenza lil żewġ kuntistabbli, m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li uża kliem ta’ theddid jew insolenti fil-konfront tagħhom u li kiser il-paċi pubblika.
Huwa daħal il-Qorti liebes lewn aħdar u fuq insistenza tiegħu daħal ħafi, filwaqt li beda jgħajjat. Kien biss ftit qabel daħlet il-Maġistra tYana Micallef Stafrace fl-awla li aċċetta li jilbes ilqugħ tal-plastik f’saqajh.
Ir-raġel inżamm immanettjat għas-sigurtà ta’ kull min kien fl-awla wara li fis-sigħat ta’ qabel irreżista diversi drabi lill-Pulizija.
Bl-assistenza tal-interpretu, huwa qal li jaħdem bħala mekkanik iżda ma weġibx għad-domandi dwar l-età tiegħu. Infexx jibki kif mistoqsi fejn joqgħod f’Malta, u ma wieġeb jekk hux ħati jew le.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ordnat li f’dawn iċ-ċirkostanzi l-Qorti tikkunsidrah li mhux ħati izda ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
L-Avukat talab li l-akkużat jiġi eżaminat minn espert psikjatrika, għal liema talba l-Prosekuzzjoni m’ oġġezzjonatax. Madanakollu hija wriet it-tħassib tagħha dwar l-imġieba u l-intenzjonijiet tal-imputat fost suspetti li pprova jfixkel l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
L-Ispettur qal fil-Qorti li għal kważi siegħa wara l-arrest, Osman irrepeta l-kelma “Allah” fl-uffiċċju tiegħu. Wara li ttieħed fil-lock up tal-Kwartieri Ġenerali fil-Floriana u ppruvaw jeħdulu l-marki tas-swaba, l-akkużat intefa’ mal-art u kien aggressiv tant li kellhom jintervjenu seba’ l-pulizija biex iżommuh. Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li l-imputat irrifjuta t- tabib li l-Pulizija ġabitlu biex jeżaminah.
Il-Qorti laqgħet it-talba li jiġi nominat psikjatra. Hija rrakkomandat ukoll lid-direttur tal-ħabs li Osman jinżamm arrestat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli.