Daħal fil-fażi finali x-xogħol fis-sit tal-housing soċjali ġdid fi Triq il-Qolla f’Ħaż-Żebbuġ b’investiment ta’ seba’ mija u għoxrin elf ewro. Investiment li se jagħmel id-differenza għal tmien familji oħra.
Tħabbar dan fi żjara li għamel il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes fuq is-sit tal-kostruzzjoni, fejn spjega kif wara li issa tlestew ix-xogħlijiet tal-ġebla bdew ix-xogħlijiet tal-mgħoddija tas-servizzi.
Il-Ministru Roderick Galdes sostna li l-proġett ta’ housing soċjali ġdid kien ilu mistenni għal snin twal u li l-familji ġenwinament fil-bżonn u l-qraba tagħhom qegħdin japprezzaw li l-Gvern se jkun offrielhom it-tama u l-opportunità li jimxu ‘l quddiem.
Qal kif, “Hawnekk qegħdin induru anke fuq sit ieħor, sit ieħor mill-ħafna li qegħdin nibnu anke mill-1700 unit ġdid li ser ikollha l-awtorità. Aħna bħala ministeru naħdmu fis-silenzju, iżda x-xogħol f’dawn l-aħħar tlett snin ma waqafx biex inkunu nistgħu nlaħħqu dawn il-proġetti kollha.”
Huwa fakkar li l-bini ġdid ta’ housing soċjali huwa bini maħsub fid-dettall u li jippreserva ż-żoni tal-madwar. Bini li fi kliemu jaħseb għal bżonnijiet tal-preżent iżda huwa sostenibbli biex jaqdi l-bżonnijiet tas-soċjetà tal-futur.
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li fost l-oħrajn, il-bini ta’ housing soċjali ġdid huwa aċċessibbli u li €35,000 mill-investiment totali tal-proġett f’Ħaż-Żebbuġ huma allokati biex il-binja tkun mgħammra b’lift.
Preżenti, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal kif permezz ta’ ħidma sfieqa qed jonqsu l-persuni fil-lista ta’ stennija.
Spjega li, “Qed naraw ukoll li għandek skemi oħrajn li tista’ tgħin persuni li bi ftit għajnuna pereżempju billi tgħinhom biex isiru sidien ta’ darhom u permezz ta’ social loans naraw li l-waiting list nindirizzawha wkoll b’dak il-mod. U propju mhuhiex b’kumbinazzjoni li llum l-awtorità għandha l-anqas rata ta’ persuni fuq il-waiting list tagħha għaxliex rajna li nipprovdu soluzzjonijiet differenti għall-bżonnijiet differenti.”