Il-Gvern beda bil-bini tal-pixxina ta’ Bormla bħala parti minn proġett b’investiment ta’ mhux inqas minn €14-il miljun.
Dan tħabbar fi stqarrija tal-Gvern hekk kif ġie spjegat li wara li sar xogħol estensiv fuq is-sit li ħa jagħti saqaf lil din il-pixxina, issa l-proġett daħal sew fit-tielet u l-aħħar fażi tiegħu.
Fil-fatt, it-tqattigħ tal-blat ħa ħames xhur, filwaqt li ġew ordnati wkoll l-istrutturi kollha li huma parti mill-pixxina, fosthom il-frame u s-saqaf tal-pixxina, is-sistema ta’ ventilazzjoni, kif ukoll il-ħitan tal-ħġieġ, li mistennija jaslu f’pajjiżna minn Marzu li ġej ’il quddiem.
Din l-aħħar fażi tinkludi wkoll it-tlestija tal-bini tal-uffiċini, il-plant room, il-faċilitajiet tal-ikel, dressing rooms u showers.
Il-pixxina hija ta’ daqs olimpiku ta’ 5000 metru kwadru, b’saqaf tal-injam b’tul ta’ 44 metru, kif ukoll ħitan tal-ħġieġ li jkopru mal-44 metru kwadru kull naħa, u fond ta’ 2.2 metri, li jissodisfa r-rekwiżiti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm.
Il-pixxina se tkun mgħammra bl-aħjar teknoloġija, fosthom dik tal-bulkheads biex il-pixxina tkun maqsuma f’aktar minn faċilità waħda. L-art tal-pixxina se jkollha funzjoni li titla’ u tinżel biex il-coaches tal-għawm ikunu jistgħu jagħtu l-lezzjonijiet tagħhom fl-ilma stess.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isporta Clifton Grima, tenna kif dan huwa proġett ieħor li għaddej bħalissa u li juri l-impenn tal-gvern li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva f’pajjiżna.
Qal, “Bħalissa SportMalta għaddejja b’investiment bla preċedent f’dik li hija infrastruttura sportiva madwar pajjiżna u dan jikkumplimenta tajjeb ħafna l-istrateġija tal-Gvern għal dak li huwa s-settur sportiv ġewwa pajjiżna.”
Minn naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta is-Sur Mark Cutajar qal li l-proġetti kollha li qed tieħu ħsieb SportMalta għandhom għan wieħed, dak li jagħtu l-aqwa faċilitajiet possibbli lill-atleti fid-diversi dixxiplini sportivi.
Din il-pixxina ta’ livell internazzjonali, u li se tkun fost l-aqwa kumplessi li hawn fil-Mediterran, se tkompli tgħolli l-livell tal-isport akkwatiku f’Malta.
Spjega, “L-Infrastruttura hija prijorità fl-istrateġija nazzjonali tal-isport allura l-pixxina li qed naraw illum hija parti minn din l-istrateġija li trid twassal biex ikollna aktar faċilitajiet sportivi. Pixxina akkwatika hija importanti fl-isport akkwatiku għax tgħin lill-atleti żgħażagħ u speċjalment atleti iżgħar u anke l-iskejjel tal-madwar biex ikunu jistgħu jkollhom bażi soda.”