Jasal fl-aħħar fażi x-xogħol fuq il-mina mill-Università għall-Gżira wara li kienet magħluqa temporanjament waqt li kien għaddej ix-xogħol fuq il-proġett tal-flyover tal-Kappara.
Hekk kif titlesta l-mina, matul il-ġimgħa d-dieħla, jerġa jinfetaħ l-aċċess biex mill-Università wieħed ikun jista’ jaċċessa l-pixxina nazzjonali tal-Qroqq kif ukoll parkeġġ numru 10 tal-Università li jilqa fih iżjed minn mitt karozza.
Hekk kif ingħalqet minħabba l-proġett tal-Kappara, il-mina għaddiet minn proċess ta’ rinovar wara li ġiet mwessa u ġew nstallati sinjali tat-traffiku ġodda u iżjed moderni. Proċess li għamel il-mina waħda iżjed sigura u aċċessibli kemm għall-karozzi kif ukoll dawk li jgħaddu minnha bil-mixi jew bir-rota.
Il-President tal-għaqda studenteska Pulse, Johnluke Ellul qal ma’ dan l-istazzjon li minkejja li kien hemm żmien ta’ nkonvenjent għal dawk li jagħmlu użu minn din il-mina, issa li ser tinfetaħ ser toffri servizz aħjar u iżjed sigur lill-istudenti Universitarji.
“Sfortunatament peresli kienet ingħalqet il-carpark maġenb din il-mina, ma kienx qed jintuża peresli ma kienx hemm aċċess għaliha allura l-istudenti ser ikunu qed jerġaw jibbenefikaw minn dak il-parkeġġ kif ukoll dawk in-nies jew studenti li jgħamlu użu mir-rota jew bil-mixi biex jaċċessaw mill-Università għall-Gżira jistgħu jergħu jgħamlu dan issa b’mod iżjed sigur u flessibli għalihom.”
F’isem l-istudenti u l-amministrazzjoni ta’ Pulse, Ellul rringrazzja lill-Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Infrastrutturali Ian Borg talli dejjem sema’ t-tħassib u l-ideat li wasslu quddiemu biex proġetti bħal dawn jissodisfaw il-bżonnijiet u l-ambizzjonijiet tal-istudenti.