L-ewwel proġett mill-kontribuzzjoni ambjentali, dak ta’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq it-toroq ta’ Buġibba, Qawra u San Pawl il-baħar daħal fl-aħħar fażi tiegħu. Dan hekk kif 75% ta’ dan il-proġett huwa lest u se jkun konkluż fit-tielet ġimgħa ta’ Ġunju.
Il-Ministru għat-trasport Joe Mizzi u l-Ministru għat-turiżmu Edward Zammit Lewis żaru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq dawn it-toroq.
Joe Mizzi qal li dan il-proġett miexi skont il-pjan u hekk kif ġie imwiegħed jidher li dan se jkun lest qabel is-Sajf li ġej. Huwa qal li l-proġett huwa mqassam fuq fażijiet differenti biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent fuq ir-residenti u l-komunità kummerċjali. Kull fażi tax-xogħol tinkludi t-tibdil tas-servizzi eżistenti għal sistemi ġodda kif ukoll ir-resurfacing tat-toroq.
Huwa fakkar li matul dawn l-erba’ snin, sar rekord ta’ xogħol fosthom 162 triq residenzjali ġdida u proġetti kbar fosthom Triq Diċembru Tlettax, li kien proġett mibdi iżda wieqaf, Triq il-Kosta u l-proġett tal-junction tal-Kappara fost oħrajn. Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar ukoll li nħarġu tenders li se jiġu aġġudikati biex isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq il-mall ta’ Buġibba għas-sajjieda.
Fl-indirizz tiegħu, l-Ministru Edward Zammit Lewis stqarr li huwa sodisfatt bl-andament fuq dan il-proġett estensiv fit-titjib tal-infrastruttura u fil-prodott offrut b’mod ġenerali fil-madwar ta’ Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar li huwa importanti u neċċessarju kemm għar-residenti tal-akwati kif ukoll għall-influss ta’ turisti li jżuruna.
Fi kliem il-Ministru għat-turiżmu Edward Zammit Lewis, dan l-investiment ta’ €3.5 miljun permezz tal-Kontribuzzjoni ambjentali li nġabret qed naraw il-frott mid-dħul tagħha bl-ewwel proġett ikun manitenzjoni fit-toroq taż-żona ta’ Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll rappreżentanti mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti u l-Fondazzjoni għall-iżvilupp ta’ żoni turistiċi li wkoll faħħru l-andament ta’ dan il-proġett li tlesta fi ftit ġimgħat.